Sentenza sospiża wara li ħebb għall-pulizija

Sewwieq ta’ trakk ta’ 37 sena minn Ħaż-Żebbuġ ingħata sena u nofs ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li aggredixxa żewġ pulizija.
Huwa ġie akkużat li waqt tilwima wara inċident tat-traffiku, hedded u aggredixxa lill-uffiċjali.
Il-każ seħħ f’Novemrbu 2007, f’San Pawl il-Baħar.
Wara l-ħabta r-raġel u s-sewwieqa tal-karozza l-oħra qabdu jargumentaw, fejn l-akkużat beda jgħid kliem ħażin.
Dak il-ħin kien għaddej pulizija li prova jikkalma s-sitwazzjoni. Madankollu r-raġel infexx ir-rabja tiegħu fih.
Xħin il-Pulizija talab l-għajnuna, ir-raġel aktar irvila u rrifjuta li jobdi u beda jagħti bis-sieq u bil-ponn, tant li pulizija spiċċa bin-nuċċali mkisser u ieħor kellu bżonn l-assistenza medika.
Il-Maġistrat Marseann Farrugia innotat li l-akkużat għandu fedina penali kkulurita u qalet li l-akkużat kien ħoloq kjass sħiħ fuq inċident żgħir li suppost kellhom jieħdu ħsiebu l-gwardjani lokali.
Hija nnotat li r-raġel għandu problema biex jikkontrolla r-rabja madankollu qed jipprova jrażżanha. Għaldaqstant, filwaqt li qalet li din l-attitudni mhux aċċettabbli, tenniet li f’dan il-każ sentenza ta’ ħabs ma kinitx adattata.