Sentenza sospiża wara li attakka lil raġel b’sikkina u ħallieh fil-periklu tal-mewt

Raġel li waqt ġlieda mar-raġel li joqgħod miegħu, attakkah b’sikkina u ħallieh fil-periklu tal-mewt, ingħata sentenza sospiża mill-Qorti.

Ilbieraħ tressaq il-qorti r-raġel mill-Ghana ta’ 36 sena li nhar is-Sibt li għadda, kellu xi jgħid mar-raġel li joqgħod miegħu, li huwa mill-Ghana wkoll, fir-residenza tagħhom. Il-ġlieda saret waħda vjolenti u l-vittma spiċċa fil-periklu li jitlef ħajtu.

Dan ġara fi Triq il-Kanun. Il-vittma stess, li għandu 45 sena, mar l-Għassa tal-Pulizija b’ħafna dmija, fejn ittieħed l-isptar b’emerġenza. Il-pulizija marru fir-residenza fejn sabu lill-aggressur, li kien weġġa’ ħafif fil-ġlieda.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi u ngħata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.