Sentenza sospiża wara ġlieda ma’ raġel li ma ħallasx il-kera lil ommu

Raġel weħel sentenza sospiża wara ġlieda ma’ raġel ieħor li ma ħallasx il-kera dovuta wara li kera appartament mingħand ommu.

Fil-Qorti instema’ kif fil-5 ta’ Awwissu tal-2011, bejn id-9pm u l-10pm, fi Triq Luret Cutajar f’Ħaż-Żebbuġ, Antoine Saliba kkawża ferita gravi fuq raġel ieħor. Hu ġie akkużat ukoll li kiser il-buon ordni u l-paċi pubbliku permezz tal-għajjat u l-ġlied.

Fil-Qorti, ommu kienet xehdet li Joseph Borg kien qed jikri l-appartament tagħha f’Mejju tal-2011, iżda hi dejjem kien ikollha diffikultà biex tiġbor il-kera mingħandu. Hi kienet talbitu sabiex jitlaq mill-appartament f’Awwissu u jirritorna ċ-ċwievet. Qalet li kienu ftiehmu data meta hu kellu jitlaq u hi kellha tmur tnaddaf l-appartament. Spejgat li meta d-data waslet u marret fl-appartament flimkien ma’ żewġha ħasbet li Borg kien telaq mill-post iżda meta lestiet milli kellha tlesti u kienet se titlaq iltaqgħet mar-raġel fit-taraġ. Huma staqsewh għall-flus tal-kera u qal li se jmur dak il-ħin stess u jġibhom. Huma għamlu sagħtejn jistennew iżda l-flus ma waslux. Ftit wara, il-mara talbet lil binha biex jibdel is-serratura tal-appartament. Borg ftit wara li nbidlet is-serratura, ċempel lill-mara u talabha biex tibgħat lil binha fuq il-post.

Intant, Spettur li xehed fil-każ spjega kif dakinhar tal-ġlieda, kien Saliba li ta l-ewwel daqqa ta’ ponn u laqat lil Borg f’għajnejh. Xi ħbieb ta’ Borg kienu hemm u dawn telqu jiġru wara Saliba u f’idejhom kellhom zapun u invell.

Tabiba li kienet invistat lil Saliba kienet spjegat li hu kien sofra minn ferita fonda xi ħames ċentimetri u nifdet il-muskoli tan-naħa ta’ wara ta’ dahru. Hu sofra wkoll ksur f’waħda mill-ġwienah u waħda mill-irkiekel ta’ dahru. Intant, tabiba oħra li eżaminat lil Borg tal-appartament qalet li hu kellu qasma fuq għajnejh ta’ xi tliet ċentimetri, liema qasma qalet li aktarx se tibqa’ marka.

Il-Qorti sabet lill-imputat mhux ħati li kiser il-buon ordni u l-paċi pubblika, iżda sabitu ħati li kkaġuna ferita ħafifa fuq raġel ieħor, iżda mhux ferita gravi. Il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli illiberat lir-raġel bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sitt xhur.