Il-mara fit-trakk taż-żibel tiskuża ruħha fil-Qorti

Il-mara li lbiraħtlula deher filmat tagħha mingħajr ħwejjeġ f’Paceville u ħin minnhom daħlet fil-kaxxa ta’ trakk taż-żibel ngħatat 10 xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar u weħlet €50, wara li fil-Qorti skużat ruħha għal għemilha.
Il-Pollakka wieġbet ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha, li jinkludu offiża lill-morali pubblika, li kienet għerwiena fil-pubbliku u li sikret f’post pubbliku.
Fil-Qorti l-mara dehret izzappap minħabba uġigħ f’sieqha, u stqarret li taħdem ma’ kumpanija tal-ivvjaġġar u li ma tantx kellha flus.
Il-mara skużat ruħha, u filwaqt li ħallset minnufih il-multa, wegħdet li tħallas għall-ħsara li kkawżat fil-bieba tat-trakk. Ġie stmat li l-kamera li kienet mal-bieba tkissret minħabba t-tisbit mal-ħajt, u tiswa madwar €300.
Hu mifhum li l-Pollakka mistennija tħalli Malta fil-jiem li ġejjin.
Ritratt: Facebook