Sentenza sospiża talli serqet iPad

Pixabay

Read in English.

Mara ngħatat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin fuq serq ta’ iPad.

Ċensina Borg ta’ 59 sena minn San Pawl il-Baħar ammettiet li serqet l-iPad nhar it-22 ta’ Lulju 2019. Borg flimkien ma’ binha kienu serqu l-basket bl-iPad ġo fih, tal-konsulent Mark Formosa fl-isptar Mater Dei.

Borg kienet akkużata b’serq kif ukoll li ppruvat tbiegħ oġġett misruq. Meta tressqet hi kienet wieġbet mhux ħatja għall-akkużi, iżda iktar tard irreġistrat l-ammissjoni tagħha wara li l-Prosekuzzjoni neħħiet l-akkuża li hi kienet reċediva.

Il-mara kienet ġiet iddentifikata mill-filmat meħud mill-kameras tas-sigurtà tal-isptar.

Il-Maġistrat Gabriella Vella sabet lill-mara ħatja tas-serq filwaqt li dwar it-tieni akkuża, il-Qorti sabet li din kienet alternattiva għall-ewwel akkuża.

Il-Qorti sabet lill-mara ħatja tas-serq u kkundanata għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras.