Sentenza sospiża ta’ ħabs għax qalilha tmur lura lejn pajjiżha

Raġel ta’ 28 sena weħel sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Appelli li firex mibgħeda razzjali b’kummenti li tefa’ fuq Facebook.

Il-każ seħħ f’April tal-2017 meta r-raġel, Brandon Bartolo, kiteb kummenti li offendew lil Sara Ezabe, li hija Musulmana u tifforma parti mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ f’Malta.

It-tfajla li għandha 21 sena, kienet irrappurtat dawn il-kummenti lill-Pulizija fejn sostniet li kienu dispreġġjattivi fil-konfront tagħha.

Fuq Facebook, Bartolo kiteb li Malta għandha reliġon waħda u li l-barranin għandhom jimxu mal-liġijiet ta’ Malta jew inkella għandhom imorru lura lejn pajjiżhom.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ħelset lil Bartolo wara li l-Musulmana ma telgħetx il-Qorti biex tixhed, iżda l-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza.

Fil-Qorti tal-Appell, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qalet li minkejja n-nuqqas ta’ xhieda minn Sara Ezabe, kien evidenti li l-kumment ta’ Bartolo kien offensiv u li kien qed jistiga mibgħeda razzjali.