Sentenza sospiża mnaqqsa fuq appell għal Sheehan

Read in English.

Is-sentenza sospiża mogħtija lill-eks xufier tal-eks ministru Manuel Mallia wara li nstab ħati li spara għal fuq karozza li ħabtet mal-karozza tal-ministru ġiet imnaqqsa mill-Qorti tal-Appell, li qalet li ma kienx hemm biżżejjed provi li  kien hemm l-intenzjoni li jweġġa’ serjament lill-vittma.

F’Ġunju li għadda, Paul Sheehan kien weħel sentenza ta’ 22 xahar ħabs sospiża għal tlett snin wara li nstab ħati dwar il-każ li kien wassal għar-riżenja ta’ Mallia mill-kabinett. Ġie wkoll ordnat li jħallas €7,534 fi spejjeż tal-qorti. Is-sewwieq tal-karozza l-oħra, Stephen Smith, ma weġġax fl-inċident: it-tiri ta’ Sheehan laqtu l-karozza.

Sheehan – li kien oriġinarjament akkużat b’attentat ta’ qtil, akkuża li tneħħiet fuq il-parir tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – appella din is-sentenza.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera madankollu qablet li l-azzjoni ta’ Sheehan ma kinitx iġġustifikata. Innutat li Sheehan spara lejn il-karozza ta’ Smith, u li b’hekk ma kienx spara tiri ta’ twissija. It-tiri b’hekk setgħu ikollhom konsegwenzi fatali.

Minkejja dan, ma rriżultax li Sheehan kellu intenzjoni li jweġġa’ lil Smith, bl-Imħallef tinnota li Sheehan ma sparax eżatt wara l-ħabta, meta Smith hareġ mill-vettura, iżda meta Smith ipprova jsuq l’hemm.

B’hekk is-sentenza ġiet imnaqqsa minn 22 xahar ħabs għal 15-il xahar, dejjem sospiża għal tlett snin. Ġiet irrevokata wkoll l-ordni biex jiġu kkonfiskati l-arma u l-munizjon ta’ Sheehan.