Sentenza sospiża għal xufier tal-linja li tajjar u qatel mara

Xufier tal-linja ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiża għal tliet snin wara li nstab ħati li tajjar anzjana waqt li kien qed isuq tal-linja, bil-konsegwenza li mietet.
Il-każ seħħ fl-14 ta’ Settembru 2013.
Mark Stuart Jones, xufier b’25 sena esperjenza kien qed isuq xarabank tal-Arriva fix-xatt tal-Pietà meta tajjar anzjana.
L-inċident seħħ ftit ‘il fuq mid-dar tal-anzjani fid-direzzjoni tal-Imsida. Edith Farrugia ta’ 66 sena kienet tilfet ħajjitha.
Fix-xiehda tiegħu huwa qal li kien qed jaqla’ bil-mod minn fuq waqfa tal-linja, meta ħin minnhom sema’ ‘bumm’ u fil-mera ra lil xi ħadd jaqa’ mal-art.
Il-Qorti ssospendiet il-liċenzji kollha tas-sewqan tal-imputat għal żmien sena. Is-sospensjoni tibda minn nofsillejl u minuta ta’ għada filgħodu.
Huwa ġie ordnat iħallas l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra tal-esperti li jammontaw għal €2,503.81.