Sentenza sospiża għal raġel li qabad il-warrani ta’ turista

Libjan ta’ 27 sena ngħata sentenza ta’ tliet xhur priġunerija sospiża għal sena wara li qabad il-warrani ta’ turista Taljana waqt li kienu fuq tal-linja.
Il-każ seħħ nhar il-Ħamis li għadda meta l-Libjan, waqt li kien f’sakra kbira, qabad il-warrani tat-Taljana. Jidher li dak il-ħin tant inqalgħet kommossjoni li l-vjaġġ kellu jiġi interrot.
Il-Libjan, li qed ikun akkużat li offenda l-pudur tat-turista, kellu jinżamm fl-għassa għal diversi sigħat biex tgħaddilu s-sakra qabel setgħu jkellmuh il-pulizija.
Bħalissa l-Libjan, li hu refuġjat, qed jistenna li jkun ripatrijat f’pajjiż ieħor Ewropew.
Minkejja li talab skuża għal dak li ġara, l-Ispettur Joanne Farrugia sostniet li hu xorta ma fehemx li offenda l-pudur tal-mara.