Sentenza sospiża għal Ghanjan li ried jitlaq minn Malta b’dokumenti foloz

Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Ghana ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li ried jitlaq minn Malta b’dokumenti Taljani foloz.
Huwa ġie arrestat fl-ajruport meta kien se jmur Ruma u l-uffiċjali tas-sigurtà indunaw li l-passaport, il-kartà tal-identità u l-permess tar-residenza kienu kollha foloz.
Fil-Qorti ntqal li ż-żagħżugħ ingħata l-ażil fl-Italja u bl-istess dokumenti ġie Malta fejn sab xogħol f’Għawdex.
L-akkużat qal li kien akkwista d-dokumenti mingħand sieħbu li jgħix Napli għaliex id-dokumenti li kellu kienu għadhom se jiġġeddu.
Huwa ngħata s-sentenza ta’ 12-il xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin iżda se jinżamm arrestat sakemm jmur lura l-Italja.