Sentenza sospiża fuq inċident fatali tat-traffiku

Read in English.

Raġel ta’ 26 sena weħel sentenza sospiża wara li ġie misjub ħati li kkawża l-mewt ta’ persuna f’inċident tat-traffiku li seħħ fid-9 ta’ Lulju 2016.

Jonathan Hili kien qed isuq Toyota Passo fi Triq il-Marfa, Mellieħa, viċin il-Bajja tal-Għadira meta tajjar ll Andre Debattista, raġel ta’ 40 sena li ġie ddikjarat mejjet fuq il-post.

Debattista kien qed jaqsam it-triq biex iwassal lil bintu, li kellha 10 snin, għal latrina pubblika.

Mart Debattista xehdet kif semgħat ħoss qawwi u lil bintha tgħajjat għal missierha. Ftit mumenti wara, semgħet ħoss qawwi ieħor, qisha ħabtet karozza. It-tifla xehdet li kienet qed iżżomm id missierha meta għaddiet karozza b’veloċità eċċessiva viċin ħafna tagħha, u li missiera “sparixxa.”

Min-naħa tiegħu, Hili spjega li kien ilu jsuq 3 snin meta seħħ l-inċident, u li fil-post kien hem siġra kbira li testendi fuq il-bankina. Debattista, skont Hili, qasam it-triq minn wara s-siġra. Hili waqqaf il-karozza ħesrem wara li laqat lil Debattista, u karozza oħra spiċċat ħabtet ġo fiha.

Ħabib ta’ Hili kien passiġġier fil-karozza tiegħu, u qal li kienu sejrin Ta’ Pinu meta seħħ l-inċident. Qal li Hili kien qed isuq b’veloċità ta’ madwar 70km/h meta tfaċċaw żewġ persuni fit-triq.

Il-Maġistrat Astrid May Grima innutat li Hili kien traskurat fis-sewqan tiegħu, iżda kkonkludiet ukoll li kien hemm element ta’ negliġenza kontributorja min-naħa ta’ Debattista.

Ikkunsidrat ukoll il-fedina penali netta, u li Hili diġà kien qed iħallas għal dan l-inċident minħabba l-effetti psikoloġiċi li ħalla fuqu. Għalhekk, ikkonkludiet il-Maġistrat, sentenza ta’ priġunerija effettiva ma kinitx timmerita sentenza ta’ priġunerija effettiva.

B’hekk, filwaqt li sabet lil Hili ħati, ikkundannatu għal 12-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin. Il-liċenzja ta’ Hili ġiet sospiża għal 6 xhur, u l-imputat ġie ordnat iħallas €2,956.56 fi spejjeż.

Il-prosekuzzjoni ġiet immexxija mill-Ispettur Godwin Scerri, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Jason Azzopardi dehru għal Hili.