Sentenza iebsa u inappellabbli dwar l-insib – Muscat

L-insib, l-immigrazzjoni, l-IVF u l-interconnector kienu t-temi ewlenin li l-Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat tkellem dwarhom mal-ġurnalist ta’ ONE radio f’intervista rrekordjata.

Mingħajr ma daħal fil-mertu jekk hux favur jew kontra l-insib, Muscat iddeskriva s-sentenza li ngħatat mill-Qorti Ewropea bħala waħda ‘inappellabli u …iebsa fil-konfront ta’ Malta’, żied jgħid li din is-sentenza qed tiġi studjata u min hemm il-Partit Laburista se jkun qed jara x’jista’ jsir mingħajr ma tinkser l-ebda liġi.

Immigrazzjoni: ‘Min jilgħab l-iktar bit-Twitter u min jilgħab l-iktar Facebook, m’hu se naslu imkien’

B’referenza għan-numru ta’ kitbet li dehru fil-midija soċjali speċjalment mill-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini, Muscat qal li l-aħjar soluzzjoni hi li wieħed ippoġġi flimkien u jiddiskuti.

Il-Prim Ministru mill-Ħadd se jkun qed jattendi laqgħa informali li se ssir fi Brussell dwar l-immigrazzjoni. Huwa saħaq li waqt din il-laqgħa mhux se jkollu għalfejn ‘jiċaqlaq pulzier’ mill-pożizzjoni li ħa dawn l-aħħar ħames snin filwaqt li assigura li l-pożizzjonijiet ta’ Malta se joħroġu minn bilanċ bejn id-dinjità umana u l-interess nazzjonali filwaqt li saħaq li mhux ‘se jilgħab mal-ħajja ta’ nies’ iżda lanqas ‘mhu se jħalli lill-ħadd jilgħab bina bħala pajjiż.’

Huwa rrefera għas-sitwazzjoni dwar il-bastiment Lifeline skont l-informazzjoni li kellu sal-ħin tal-intervista. Huwa spjega s-sitwazzjoni u qal li t-Taljani żbaljaw meta bgħatu lill-vapur lejn Malta. Huwa saħaq li skont il-liġi tal-baħar Malta mhux responsabbli iżda hi l-pajjiż fejn hu rreġistrat li għandu dritt jgħidlu fejn imur minħabba li dan qed ‘jitlajja’ fil-baħar. Iżda minħabba l-kwistjoni li qamet dwar ir-reġistrazzjoni tal-vapur li huwa mniżżel bħala ‘pleasure boat’ u mhux dagħjsa tas-salvataġġ dan għadu ma seħħx.

 

Interconnector: ‘Il-politika tal-enerġija ta’ Malta li tħares il-quddiem’

Muscat iddeskriva l-botta ta’ Di Maio fuq il-program televiżisiv bħala waħda mmirata biex timpressjona lit-telespettaturi. Huwa saħaq li l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ltaqa’ ma’ Di Maio waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew u dawn kellhom laqgħa tajba ħafna skont ma deskriva Bartolo.

Muscat saħaq li l-politika tal-enerġija ta’ Malta hi diversifikata għalhekk f’każ li xi ħadd fl-Italja jiddeċidi li ‘jitfi s-switch’ Malta kapaċi tkampa waħidha.

IVF: wegħda elettorali li ġiet mwettqa

Muscat saħaq li d-diskussjonijiet dwar l-IVF bdew qabel u komplew wara l-elezzjoni. Huwa qal li kellu l-mandat biex jagħmel din il-bidla u fi kliemu immodernizza l-liġi tal-IVF biex b’hekk ikun hemm iktar ugwaljanza.

Huwa rringrazzja lill-President ta’ Malta tali għażlet tkun il-vuċi tal-għaqdiet.

Fir-rigward tal-Oppożizzjoni, huwa akkużahom li jridu jreġġaw l-arloġġ lura u saħaq li l-ġlieda ma għadiex bejn ix-xellug u l-lemin imma saret bejn min jrid jmexxi l-pajjiż lura jew il-quddiem.