Sentenza ħabs għal ġurnalista li kitbet dwar il-Paradise Papers

Ġurnalista Torka, Pelin Unker, weħlet il-ħabs wara li nstabet li malafamat lill-eks Prim Ministru Tork u ż-żewġ uliedu minħabba artikli tagħha dwar l-Paradise Papers. Unker kienet irrappurtat dwar il-kumpaniji f’Malta tat-tfal tal-eks Prim Ministru Tork Binali Yildirim għall-gazzetta Cumhuriyet. Yildirim kien aċċetta li uliedu għandhom dawn il-kumpaniji.

Il-ġurnalista li hija membru tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi ngħatat 13-il xahar ħabs u multa talli “insultat u mmalafat” lil Yildirim u uliedu.

Yildirim kien sar l-iSpeaker tal-Assemblea Nazzjonali fit-Turkija wara li l-irwol ta’ Prim Ministru tneħħa minħabba t-tibdil li sar fil-Kostituzzjoni Torka.

Avukat ta’ Unker iddefendiet ix-xogħol tal-ġurnalista wara li ngħatat is-sentenza u qalet lill-ġurnalisti lokali li xogħol Unker kien preċiż u fl-interess pubbliku.

It-tim legali tal-ġurnalista li issa taħdem fuq bażi freelance saħaq li l-ilment kontriha kien inġust għax jieħu inkusiderazzjoni artikli li ma kienux miktuba minnha.

L-avukat tal-ġurnalista qalet li kienet Unker biss li ġiet imressqa quddiem il-Qorti minkejja lid-dinja kollha rrappurtat dwar il-Paradise Papers. Hi fakret kif f’soċjetà demokratika l-midja għandha dover indispensabbli u kellha l-obbligu li tiżvela d-dokumenti għax dawn kienu ta’ interess pubbliku.

Kompliet tispjega li l-artiklu kien dwar kumpaniji mwaqqfa f’tax haven u li Yildirim u uliedu ma ċaħdux li dawn twaqqfu.

Unker mistenniha tappella s-sentenza mill-Qorti.

Yildirim kien aċċetta l-fatt li uliedu kellhom l-kumpaniji f’Malta, minkejja dan kollu huma xorta fetħu każ fil-Qorti.

Unker qalet li l-ġurnalisti fit-Turkija kemm il-darba jsofru attakki politiċi u hi kienet vitma ta’ ripressjoni li huma josfru fit-Turkija.

Yildirim se jkun qed jikkontesta fl-elezzjonijiet li ġejjin għal sindku ta’ Istanbul.

Cumhuriyet hi waħda mill-eqdem gazzetti fit-Turkija u hi kkunsidrata bħala waħda mill-ftit sorsi independenti ta’ aħbarijiet.

L-artikli li dehru f’Cumhuriyet kienu jiffukkaw fuq kumpaniji ibbażati f’Malta li fihom ulied Yildirim kellhom l-isqma. Il-familja ta’ Yildirim ma kinitx wieġbet għall-mistoqsijiet ta’ Cumhuriyet qabel l-artikli ġew ippubblikati.

It-Turkija tinsab fil-157 post fil-lista ta’ 180 pajjiż fil-World Free Press Index tal-2018 maħruġ minn Reporters Without Borders.