“Sentejn wara u l-policy tal-pompi tal-petrol għadha l-istess” – Graffitti

Read in English.

L-NGO Moviment Graffitti esprimiet id-diżappunt tagħha li għalkemm sentejn ilu, l-eks Ministru għall-Ambjent José Herrera kien talab li l-policy tal-pompi tal-petrol tiġi riveduta, dan għadu ma ġarax. Għaddew eżattament 737 jum minn meta l-Ministru ħabbar li l-policy, li hija twila erba’ paġni, se tiġi riveduta.

Fi stqarrija, l-għaqda qalet li waqt il-protesta li wettqu fl-Awtorità tal-Ippjanar f’Marzu tal-2019, huma bdew jgħoddu l-ġranet fuq dan is-sit elettroniku. Spjegaw kif il-policy oriġinali tal-2015 kienet wasslet għal kontroversja peress li kien ċar li setgħet twassal għal abbuż u ħsara għall-ambjent.

Din il-policy tippermetti l-iżvilupp ta’ pompi tal-petrol li jieħdu 3,000 metru kwadru, u li jinkludu faċilitajiet oħra bħas-servizz tal-ħasil tal-karozza, ta’ mekkanik, ħwienet, ATM u anke kafetterija.

L-istqarrija tgħid, “Dan mhuwiex għajr mod faċli kif wieħed jikseb permess biex jibni ċentru kummerċjali fuq art ODZ. Sadanittant, sakemm l-awtoritajiet baqgħu ikaxkru saqajhom, qed ikomplu jidħlu l-applikazzjonijiet għal pompi tal-petrol massiċċi li la hawn spazju għalihom u wisq anqas hawn bżonnhom, speċjalment meta l-awtoritajiet stess qed jippjanaw li naqilbu għall-karozzi elettriċi.”

L-NGO qalet li l-abbozz tal-policy riveduta diġà għadda mit-tliet fażijiet ta’ konsultazzjoni, l-aħħar waħda f’Novembru li għadda. Skont dan l-abbozz, ħafna applikazzjonijiet pendenti jridu jiġu rifjutati peress li mhumiex konformi mar-regoli l-ġodda. Madankollu, dan jiddependi fuq jekk l-Awtorità tal-Ippjanar tiddeċidix li tieħu deċiżjoni fuq dawn l-applikazzjonijiet qabel il-policy l-ġdida tiġi approvata.

Issemmiet ukoll applikazzjoni riċenti għal pompa tal-petrol fis-Siġġiewi li ġiet rilokata. L-NGO sejħet din id-deċiżjoni waħda assurda, li issa l-pompa l-ġdida se tkun għaxar darbiet ikbar milli hi fil-preżent, u se tinbena fuq art agrikola ODZ. Se tinkludi garaxx, uffiċċju, ħanut, car wash u ATM. L-NGO żiedet tgħid li skont l-abbozz tal-policy il-ġdida, din l-applikazzjoni m’għandhiex tiġi aċċettata. Madankollu, ladarba din il-policy għadha mhijiex titħaddem, l-applikazzjoni qiegħda tiġi pproċessata abbażi tal-policy eżistenti.

L-għaqda temmet tgħid li hi żżomm mal-fehma tagħha li l-futur huwa mhedded minħabba l-imġiba irresponsabbli ta’ dawk li huma suppost jipproteġu l-ambjent naturali u l-kwalità tal-ħajja.