Sentejn u nofs ħabs talli ttraffika għasafar protetti

Raġel ta’ 46 sena li għaxar snin ilu pprova jitraffika għasafar protetti u fkieren ingħata sentenza ta’ sentejn u nofs ħabs.
Il-każ seħħ lura f’Marzu tal-2004 meta Publius Zammit spiċċa arrestat.
Il-pulizija flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta kellhom informazzjoni li kienet għaddejja operazzjoni ta’ traffikar. Dgħajsa tal-armata kienet interċettat powerboat li kienet tidher suspettuża. Id-dgħajsa ġiet interċettata waqt li kienet qed taqsam bejn Malta u Għawdex. Meta l-patrol boat tal-Armata ressqet viċin, il-powerboat tal-akkużati żiedet il-veloċità u kabbret id-distanza bejnha u l-vettura tal-AFM.
Permezz tar-radar, il-Forzi Armati segwew id-dgħajsa sal-Ġnejna. Malli waslu hemm, iż-żewġt irġiel niżlu minn fuq id-dgħajsa u ħarbu.
It-tliet suldati abbord niżlu l-art ukoll u wara li l-akkużati injoraw ordni biex jieqfu, is-suldati sparaw tiri lejhom.
Wieħed mill-irġiel intlaqat u spiċċa arrestat filwaqt li Zammit baqa’ jiġri sakemm waqaf wara għadd ta’ tiri b’avviż.
Qrib id-dgħajsa nstabu 168 fekruna u għadd mdaqqas ta’ għasafar.
Ħafna mill-għasafar kienu ħajjin.
Fix-xhieda  tiegħu, Zammit ċaħad li huwa ħarab apposta mid-dgħajsa tal-AFM u qal li m’għarafiex.
L-ispjegazzjoni tiegħu ma kkonvinċietx l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera li sab lill-akkużat ħati li ma obdiex l-ordnijiet fuq l-għasafar u annimali protetti.