​Sentejn u nofs ħabs għax ittraffika l-kokaina

Raġel intbagħat sentejn u nofs ħabs flimkien ma’ multa ta’ €6,000 wara li nstab ħati ta’ pussess u traffikar tad-droga kokaina f’Paceville.
Ir-raġel inqabad f’Novembru tal-2014 fi stabbiliment ta’ divertiment f’Paceville, meta kien fil-kumpanija ta’ żewġ nisa.
Il-Qorti semgħet kif ir-raġel, Glendon Chappell, malli nqabad mill-Pulizija beda jibki filwaqt li spjega li kien għadu kemm ingħata l-libertà proviżorja.
Huwa ikkollabora mal-Pulizija, tant li qalilhom minn fejn kien xtara d-droga. L-ispettur semma kif ir-raġel li allegatament kien biegħ id-droga lil Chappell, kien irreżista tfittxija li saret fuqu, tant li kien hemm bżonn ta’ tliet uffiċjali tal-Pulizija biex iżommuh.
Fil-Qorti, ir-raġel l-ieħor ċaħad li kien biegħ xi droga lil Chappell u semma li l-Pulizija imbuttawh it-taraġ. Il-Maġistrat qal li dan l-argument ma jreġġix għax dan ġara wara li kien irreżista li ssir tfittxija fuqu mill-Pulizija.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-fatt li l-akkużat diġà kien kiser difrejh mal-liġi kif ukoll il-fatt li rapporti mill-Caritas urew li kien qed jagħmel progress fil-proċess tiegħu ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.