​Sentejn u disa’ xhur ħabs minħabba frodi

Donald Micallef ingħata priġunerija ta’ sentejn u disgħa xhur ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati f’żewġ każi relatati ma’ frodi.
Micallef ġie akkużat li uża’ għall-benefiċċju tiegħu €2,329.37 għad-detriment tal-kumpanija WE Advertise Limited. Ġie akkużat ukoll talli gideb biex jiggwadanja €232.94 u talli ffalsifika xi dokument.
Il-kawża bdiet wara ilment minn WE Advertise Limited kontra Micallef talli xtara spazju ta’ reklamar għal YAL Home and Electronics fuq Television Malta bħala aġent tal-kumpanija tar-reklamar. Micallef żamm il-flus kollha li tħallsu mill-kumpanija YAL Home and Electronics minflok ma żamm biss il-commission.
F’każ ieħor, Micallef instab ħati talli uża għall-benefiċċju tiegħu €2,329.37 għad-detriment ta’ żewġ persuni oħra. Huwa ġie ordnat iħallashom €25,000 fi żmien sitt xhur. Dan wara li uża kliem qarrieqi biex jikkonvinċihom isellfulu €30,500.
Il-ko-akkużata fiż-żewġ każijiet ma nstabitx ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha. Dan għaliex instab li ma kellhiex x’taqsam mat-tranżazzjonijiet relatati mal-kawża li nstemgħet fil-Qorti.