“Sentejn oħra joħroġ il-pjan strateġiku għas-60 sena li jmiss” – Aaron Farrugia

Read in English.

Il-Ministru għall-Ambjent u għall-Ipjannar, Aaron Farrugia, qal li daqs sentejn oħra jiġi maħruġ il-pjan għal Malta għas-60 sena li jmiss.

Huwa qal hekk waqt Newsbook Q&A, fejn sostna li issa ċ-ċans li n-nies jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet. Huwa wissa li jekk il-pjan ma jitfassalx tajjeb issa, se jaffettwa il-50 jew 60 sena li jmiss.

Farrugia kompla jgħid li waqt li kien se jinħalaq Pjan Strateġiku Interim għall-Ambjent u Żvilupp (SPED), din l-idea nbidlet għal dokument iżjed infurmat u sustanzjali li jkun għadda wkoll minn proċess ta’ konsultazzjoni estensiva. Hu stqarr li l-konsultazzjoni hi kruċjali, u li importanti jkunu involuti awtoritajiet lokali bħal kunsilli lokali matul il-proċess ta-ippjannar. Filwaqt li ma tistgħax tikkuntenta lil kulħadd, żied jgħid, importanti tifhem l-ispjegazzjonijiet kollha biex r-raġunijiet wara pjan dejjem ikunu iżjed b’saħħithom.

Intant, bħalissa għaddejjin laqgħat mal-Malta Developers Association (MDA), mal-Kamra tal-Periti, u ma ENGOs varji oħra.

Minister Aaron Farrugia

Nibnu ‘l fuq?

Il-Ministru sostna li issa rridu niddeċiedu jekk irridux nibnu ‘l fuq jew le.

Huwa qal li l-impatt viżwali ta’ binjiet twal huwa inevitabbli, u li għalhekk irridu nagħżlu inkomplux nibnu fil-firxa, li tieħu iżjed art. Sostna li jekk niddeċiedu li se nibnu fl-għoli, hemm bżonn li l-iżviluppaturi jiddiżinjaw binjiet iżjed ikoniċi.

Farrugia spjega li kuntrarju għal dak li jaħsbu l-pubbliku, kull biċċa art li tgħaddi minn proċess ta’ pjannar tgħaddi wkoll minn proċess ta’ negozjati. Dan għax filwaqt li l-periti qed jippruvaw iġibu l-iżjed profit possibbli, l-Awtorità tal-Ippjannar (PA) iżżomm f’moħħha dak li hu l-aħjar għas-sit.

Nuqqas ta’ spazji miftuħa?

Il-Ministru Farrugia saħaq li l-Ministeru tiegħu jipprova dejjem jibni favur l-ambjent u mhux kontrih.

Hu kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar in-nuqqas ta’ spazji miftuħa ekoloġiċi. Idealment, qal hu, l-PA tkun li tiddeċiedi eżattament kif l-art għandha tiġi żviluppata.

Barra minn hekk, hemm il-kwistjoni ta’ preservazzjoni taċ-ċentru tar-raħal. Hu semma l-fatt li jkun hemm nies b’ġirien li qed itellgħu 5 sulari filwaqt li huma jistgħu jtellgħu 2 biss. Din tfisser li t-tranżizzjoni bejn dak li hu żvilupp għal raħal u dak li m’huwix trid tiġi integrata b’mod aħjar, għax il-linja bejniethom bħalissa hija wisq ovvja.

Skart isir riżors

Wieħed mill-ikbar kontributuri għall-iskart huwa skart tal-kostruzzjoni. Il-Ministru Farrugia spjega li l-Università qiegħda fi stadju avvanzat ta’ pjannar dwar kif id-dekostruzzjoni u l-użu mill-ġdid tal-ġebel jista’ jkun kummerċjalment viabbli.

Barra minn hekk, il-Gvern qed jippjana jibni billi juża ġebel mill-ġdid, biex jagħti l-eżempju, u l-iżviluppaturi jistgħu jingħataw inċentivi biex jagħmlu l-istess. Farrugia żied jgħid li sar investiment biex l-iskart jinbidel f’riżorsi, u li dan il-ħsieb qed isir fi strateġija li daqt toħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.