Kien bħal-lum sentejn li miet fl-età ta’ 70 sena l-kantant Tony Camilleri, magħruf bħala Bayzo.
Huwa kien twieled nhar it-3 ta’ April 1947 u apparti l-karriera bħala solista, kien ukoll jifforma parti mill-grupp The Malta Bums. Flimkien magħhom għamel tour fl-Istati Uniti u fil-Kanada. Fil-Ġermanja mbagħad irrekordjaw il-kanzunetta Viva Malta.
Kien wara li telaq Freddie Portelli minn ma’ dan il-grupp li Bayzo sari l-kantant ewlieni u ħarġu siltiet bħal L-Ewwel Tfajla li Ħabbejt.
Fix-xena tal-festivals kien ħa sehem fil-Malta International Song Festival, Wardakanta, u l-Malta Song Festival.
Kien ħa sehem ukoll f’rock operas bħal Dream u Ġensna, kif ukoll musicals bħal Bastilja, Andrelisa u L-Għarusa tal-Mosta.
Fatt interessanti dwar il-Bayzo hu li kien ħa sehem fis-serje televiżiva tar-RAI Cristoforo Colombo li nħadmet f’Malta u kellha bħala protagonist lill-attur Gabriel Byrne.
Bla dubju li l-Bayzo jibqa’ assoċjat mal-kanzunetta Qalu li Raw.