Sentejn ħabs u multa għax inqabad bid-droga għal ħaddieħor f’Paceville

Żewġ irġiel li kienu jaħdmu bħala uffiċjali tas-sigurtà ġo klabb inħelsu mill-akkużi li weġġgħu lil wieħed min-nies ġol-klabb f’Paceville s-sena li għaddiet, iżda wieħed minnhom weħel sentenza ta’ priġunerija u multa għat-traffikar tad-droga.

Iż-żewġ irġiel, wieħed ta’ 41 sena u l-ieħor ta’ 33 sena, ġew arrestati wara li nqalgħet ġlieda fl-10 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet ġo klabb f’Paceville. Il-ġlieda wasslet biex raġel Albaniż jispiċċa b’idu miksura.

L-allegat vittma għamel rapport l-Għassa tad-Distrett u qal li kien qiegħed jiddeverti ma’ sħabu u jieħu r-ritratti bil-bandiera Albaniża meta tfaċċaw l-uffiċjali u talbuhom id-dokumenti ta’ identità tagħhom.

Malli r-raġel kien se jagħtihom il-karta tal-identità tiegħu, wieħed mill-bouncers tah daqqa f’rasu, u malli waqa’ mal-art, baqa’ jagħtih bil-ponn u bis-sieq.

Iż-żewġ suspettati ġew akkużati li kkawżaw feriti gravi lill-vittma, li insulentawh, li tellfu l-paċi pubblika u li jaħdmu bħala gwardjani privati mingħajr il-liċenzja meħtieġa. Wieħed minnhom ġie akkużat separatament li kellu arma tal-ħadid li tintlibes fl-id.

Ir-raġel l-ieħor instab fil-pussess tal-kannabis u l-kokaina, ftit mid-droga moħbija fil-qalziet ta’ taħt tiegħu. Hu allega li ddubbahom mingħand min joqgħod miegħu. B’hekk ġie akkużat separatament bil-pussess aggravat tad-droga f’inqas minn 100 metru ‘l bogħod minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Kien akkużat ukoll bit-traffikar tad-droga.

Waqt il-proċeduri fil-qorti, xehed biss l-allegat vittma, li qal li ma setax jidentifika lill-akkużati fil-qorti, u l-Qorti nnutat li donnha ma tistax tistrieħ fuq ix-xhieda tal-vittma. Huwa qal li kienu xi seba’ jew tmien bouncers li sawtuh, imma l-Pulizija ma ppruvatx tistabbilixxi min kienu l-aggressuri l-oħra.

Il-Qorti sabet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex turi li verament kien ġie mweġġa’ b’mod gravi l-vittma Albaniż dakinhar, u lanqas li ġie insulentat.

Madankollu, il-Qorti sabet lil wieħed mill-akkużati li ħadem bla liċenzja u li kellu fuqu droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. L-evidenza wriet li huwa ddobba d-droga mingħand xi ħaddieħor biex ibigħha f’Paceville.

Għalhekk, huwa weħel sentenza ta’ sentejn ħabs u multa ta’ €1,000.