Sentejn ħabs sospiżi għal raġel ħati ta’ hit-and-run

Miguela Xuereb

Raġel ta’ 27 sena ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li l-każ tiegħu b’rabta ma’ hit-and-run fl-2011 kellu jerġa’ jinstema’ minħabba żball tekniku li kien sar qabel.

Mel Spiteri kien tressaq akkużat li fis-26 ta’ Ġunju tal-2011, bejn l-10pm u 12am tajjar u qatel lil Elizabeth Tucknett Whilems f’Buġibba. Hu kien akkużat ukoll li fil-perjodu bejn is-26 u s-27 ta’ Ġunju ħoloq traċċi ta’ reat li kien jaf li ma sarx u li seta’ wassal biex tiskatta investigazzjoni tal-pulizija għalxejn. Hu kien akkużat ukoll li saq karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan, mingħajr kont, u b’mod perikoluż. Intqal ukoll li hu kien qed isuq b’veloċità eċċessiva li taqbeż il-veloċità li wieħed jista’ jsuq biha fl-ibliet u l-irħula.

Il-mara anzjana ta’ 77 sena kienet qiegħda Malta fuq btala mar-raġel tagħha ttajret minn Spiteri fi Triq il-Qawra. Il-karozza kienet illiċenzjata f’isem missier l-imputat u aktar tard kienet instabet ipparkjata u mitluqa fi Triq Erin Serracino Inglott fl-Iklin. Il-ħsarat li kellha l-vettura kienu mqabbla mal-mod kif ittajret il-mara u l-pulizija kienet sabet li dawn jikkorrespondu.

Skont ma qalet is-sieħba ta’ Spiteri fil-Qorti, li kienet riekba fis-siġġu tal-passiġġier fil-ħin tal-inċident, l-akkużat kien laqat lill-mara wara li din “baqgħet ħierġa naqra iktar mill-oħrajn”. Qalet li wara l-inċident, l-imputat, minflok waqqaf il-karozza baqa’ jsuq sa Birkirkara.

Lura fl-2014, Spiteri nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u ntbagħat sentejn il-ħabs, weħel multa u anke tteħditlu l-liċenzja għal sena. Iżda meta l-każ kien appellat, kien ġie żvelat li kien hemm difett tekniku fl-ewwel digriet. Dan wassal biex il-każ jerġa’ jibda jinstema’ mill-ġdid.

Fid-digriet tagħha din il-ġimgħa, il-Maġistrat Rachel Montebello tat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin, sakemm dan ma jerġax iwettaq kriminalità f’dan il-perjodu li għaliha jista’ jiskonta sentenza l-ħabs. Intant, hu ntalab ukoll iħallas multa ta’ €2,500 fi żmien tliet xhur, is-somma ta’ €6,253.23 lir-Reġistratur tal-Qorti fi żmien sentejn u l-liċenzja tiegħu ġiet sospiża għal sena.