​Sentejn ħabs oħra għall-frodista magħrufa

Mara ta’ 32 sena mix-Xemxija, li hija frodista magħrufa, intbagħtet sentejn ħabs oħra wara li nstabet ħatja li ffalsifikat dokumenti u timbri tal-Gvern.
Annabelle Camilleri Monreal ġiet akkużata wkoll li bagħtet imejls lilha nnifisha, taparsi ntbagħtu minn persuni prominenti.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużata għamlet dan biex timpressjona lis-sieħeb tagħha ta’ dak iż-żmien.
Tliet snin ilu Camilleri Monreal ingħatat sentenza ta’ seba’ xhur ħabs fuq frodi minn kirja ta’ appartament f’San Pawl il-Baħar, li ma kienx tagħha. Weħlet ukoll sentejn u nofs ħabs wara li ammettiet li ffrodat għadd ta’ persuni dwar kiri ta’ farmhouse f’Għawdex.
Barra minn hekk ingħatat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, wara li għamlitha ta’ seftura u serqet xi ġojjelli minn residenza f’San Ġiljan.