Sentejn ħabs għaż-żagħżugħ li nqabad jisraq il-mowbajls

Miguela Xuereb

Read in English.

Żagħżugħ ta’ 18-il sena tressaq il-Qorti u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs wara li nstab ħati li seraq 13-il mowbajl minn ħanut f’Birkirkara f’April li għadda.

Is-serqa seħħet fit-2 ta’ April għall-ħabta tas-1.20am. B’kollox insterqu 13-il mowbajl li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €8,000.

L-arrest sar ilbieraħ wara ħidma mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali li rnexxielha tkisser ċirku ta’ serq ta’ mowbajls li mbagħad allegatament jinbiegħu kemm fis-swieq lokali kif ukoll barra’ minn Malta.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li ż-żagħżugħ kien parti minn grupp ta’ persuni nvoluti f’ċirku ta’ serq ta’ mowbajls li mbagħad jinbiegħu fost l-oħrajn fis-swieq barranin. L-investigazzjonijiet se jkomplu u mhux eskluż li persuni oħra jitressqu quddiem il-Qorti.

L-akkużat wieġeb mhux ħati meta affaċjat bl-akkużi ta’ serq u li kien reċediv.

Il-Maġistrat Rachel Montebello sabet lill-akkużat ħati u tatu sentenza ta’ sentejn ħabs.

L-Avukat Graziella Tanti dehret għall-akkużat.