Sentejn ħabs għax weġġa’ pulizija; il-Qorti b’messaġġ

Il-Maġistrat Joe Mifsud tenna li l-Pulizija jridu jkunu protetti waqt li jkunu qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom u għaldaqstant ħadd ma huwa skużat jekk jhedded jew iweġġa’ xi uffiċjal.

Dan qalu ftit qabel ma bagħat lil Abdell Raouf Mohfoudi Ali Hassan sentejn il-ħabs wara li attakka Pulizija waqt li kien qed jaqdi dmiru f’Mejju li għadda. Hu ġie mmultat ukoll somma ta’ €5,000.

Il-Maġistrat irrimarka li l-Pulizija qiegħdin hemm sabiex jipproteġu ċ-ċittadin u m’għandhomx jitqiegħdu f’sitwazzjoni li jibdew jibżgħu f’xogħlhom stess

Sostna li la ħarġu mid-dar qawwijin u sħaħ għandhom imorru lura u jingħaqdu mal-qraba tagħhom kif telqu għax-xogħol, mingħajr ġrieħi jew inkella biża’.

It-Tuneżin kien ġie arrestat fil-Mellieħa wara li kien agressiv ma’ xi persuni f’attività. Aktar tard, waqt li kien qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija hu kien weġġa’ lilu nnifsu wara li beda jsabbat rasu mal-bieba taċ-ċella.

L-akkużat kiser ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest b’dan ir-reat u għaldaqstant saret il-konfiska tal-garanzija personali ta’ €2000 fil-każ separat.

Il-Maġistrat sostna li l-Qorti ma tistax tqis dan il-ksur bħala xi wieħed żgħir u ladarba l-imputat għażel li jmur kontra waħda mill-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja jrid ibgħati l-konsegwenzi.