Sentejn ħabs għall-vittma tad-droga; Twissija mill-Qorti

Fil-Qorti dalgħodu, il-Maġistrat Joe Mifsud appella lil vittma tad-droga biex tgħin ruħha biex Alla jgħinha.

Dawn il-kliem il-Maġistrat qalhom f’sentenza li fiha ordna li l-mara ta’ 40 sena tingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva b’ordni ta’ trattament biex lil-mara jkollha l-għajnuna meħtieġa biex tkun tista tegħleb il-vizzju tal-abbuż mid-droga.

Żewġ serqiet fi tliet ġimgħat

Il-Qorti semgħet kif il-mara kienet wettqet żewġ serqiet f’temp ta’ tliet ġimgħat bejn l-14 ta’ Lulju u s-7 ta’ Awwissu li għadda. Il-mara kienet akkużata li serqet minn żewġ ħwienet tal-ġojjellerija fil-Belt u fil-Furjana.

Fis-seduta li saret is-Sibt li għadda, il-Qorti semgħet kif l-akkużata kienet ilha maħkuma mill-vizzju tad-droga għaxar snin u m’għandiex fejn toqgħod. Kien għalhekk li l-Qorti innutat li ma kinitx l-ewwel darba li ngħatat ċans biex tibdel it-triq li qabdet, bl-avukat tagħha jgħid ukoll li kellha bżonn l-għajnuna.

Twissija mill-Qorti

Il-Maġistrat wissa’ li l-mara trid tifhem li “trid tgħin ruħha biex Alla jgħinha”. Kompla jgħid li “jekk trid l-għajnuna, trid tkun hi l-ewwel waħda li xxammar il-kmiem u tmidd idejha għax-xogħol iebes tar-rijabilitazzjoni.”

Wissa’ wkoll li l-għajnuna ta’ ħaddieħor mingħajr impenn serju tagħha mhux se jwassalha għal imkien. Spjega li trid taqdef u timpenja ruħha li tbiddel ir-rotta ta’ ħajjitha. Dan filwaqt li qal li il-Qorti se tagħmel il-parti tagħha u tistanna li l-vittma tagħmel il-parti tagħha.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ordna sentenza ta sentejn ħabs kif ukoll Ordni ta’ Trattament għal tliet snin bl-għan li telgħeb il-vizzju tad-droga u dan billi fost oħrajn, tibda u tlesti programm residenzjali f’waħda mill-Agenziji li jipprovdu programmi għar-rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.