Sentejn ħabs għal Għawdxi li traffika d-droga

Il-Qorti f’Għawdex ipperseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud bagħtet Għawdxi sentejn ħabs wara li sabitu ħati ta’ numru ta’ akkużi, inkluż traffikar tad-droga.

Anthony Said ta’ 44 sena mir-Rabat Għawdex, ġie akkużat illi kemm fit-18 ta’ Jannar tal-2019, kif ukoll fi snin preċedenti traffika d-droga kokaina f’numru ta’ postijiet differenti madwar Għawdex. Ġie akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina, eroina u l-pjanta tal-kannabis, li kkommetta dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn postijiet frekwentati miż-żgħażagħ u li kien reċediv wara li fl-10 ta’ Lulju tal-2015 kien irċieva sentenza sospiża fuq każ separat.

Fil-Qorti, Said wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u minbarra l-ħabs, ġie ordnat iħallas multa ta’ €3,000. Intant, il-Qorti ordnat li tinqered id-droga esebita, filwaqt li ċaħdet it-talba tal-prosekuzzjoni li l-imputat jiġi ornat iħallas l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra tal-esperti hekk kif ma ġewx imqabbda esperti f’dawn il-proċeduri. Il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jgħin lir-raġel jirriabilità ruħu mill-vizzju tad-droga.