Sensiela ta’ taħditiet dwar il-ħajja u l-fidi mill-Ħamis li ġej

Il-fidi u l-ispiritwalità huma fost it-temi ewlenin li se jiġu diskussi fil-Kors tal-Alpha, sensiela ta’ għaxar laqgħat li jsiru fl-Oratorju tal-MSSP f'Birkirkara. 
L-ewwel sessjoni se tkun bit-tema “Daqshekk biss toffri l-Ħajja?” u tgħin lil dawk li jattendu jifhmu aħjar il-fidi Nisranija. Kelliem għall-grupp li jorganizza l-kors qal li dan mhux kors ta' teoloġija jew duttrina imma s-sessjonijiet iħarsu lejn il-ħajja minn lenti spiritwali u jgħinu lil dak li jkun jifhem ftit aħjar xi tfisser mixja ta' fidi.  
Temi oħra jistaqsu dwar Alla u kif jista jiggwida lill-bniedem, għalfejn wieħed għandu jitlob, kif għandu jdur lejn Alla u xi tfisser il-maħfra.
Il-kelliem jinsisti li kulħadd jingħata l-opportunità jgħid kif jaħsibha. 
Il-kors li jmiss se jibda fit-12 t’April u l-laqgħat isiru kull nhar ta’ Ħamis mis-7.30pm ‘il quddiem. Is-sessjonijiet, li huma bl-Ingliz, huma miftuħa għal persuni ta’ kull età.
Mijiet ta’ persuni minn kull livell tas-soċjetà għamlu dan il-kors minn kemm ilu jiġi organizzat f’Malta sa mill-1998.
Il-kors tal-Alpha kien beda fl-Ingilterra u illum jitmexxa f’180 pajjiż differenti, fosthom Malta.