Aġġornata(2): L-ISIS jikkonferma li hu wara l-attakki fl-Indoneżja

Aġġornata fl-4.30pm:
L-Istat Iżlamiku ħa r-responsabiltà tal-attakki f’Jakarta, fl-Indoneżja, li b’kollox ħallew seba’ vittmi – uffiċjal tal-Pulizija, raġel Kanadiż u ħames terroristi.
17-il persuna oħra, fosthom ħaddiem Olandiż tan-Nazzjonijiet Magħquda, indarbu, uħud minnhom serjament.
Fuq il-profil uffiċjali ta’ Twitter, l-Istat Iżlamiku ddikjara li “suldati tal-kaliffat fl-Indoneżja” wettqu l-attakk.
Matul l-attakk intefgħu bombi tal-idejn, fosthom fil-kafeterija Starbucks u fl-ewwel department store ta’ Jakarta, u militanti sparaw fuq persuni fit-toroq.
Il-Pulizija rreaġixxew b’mod immedjat imma damu jisparaw fuq il-militanti, li baqgħu jisparaw lura, għal tliet sigħat.
Il-kap tal-Pulizija f’Jakarta stess semma Indoneżjan bħala l-ħati tal-attakki u qal li kien ilu jippjanahom diversi xhur.
Hu stmat li mal-500 Indoneżjan marru fis-Sirja biex ingħaqdu mal-Istat Iżlamiku u xi wħud daħlu lura fil-pajjiż.
Aġġornata f'12:00:
Jidher li huma militanti tal-Istat Iżlamiku li huma wara l-attakki terroristiċi li seħħew dalgħodu fil-kapitali tal-Indoneżja, Jakarta.
L-attakki “stil ta’ Pariġi” kellhom mill-inqas sitt splużjonijiet, ipprovokati anke minn attakki suwiċida, segwiti minn sigħat ta’ sparaturi bejn persuni li wettqu l-attakki u l-Pulizija.
Seħħ ukoll attakk fuq kafeterija Starbucks li għalqet il-ħwienet kollha f’Jakarta.
Il-grupp Aamaaq irrapporta li kien l-Istat Iżlamiku li wettaq l-attakki, u fil-mira kienu barranin u uffiċjali tas-sigurtà li xogħolhom kien li jipproteġuhom.
Skont rapporti mill-post, l-attakki seħħew minn 14-il persuna, lebsin l-iswed u kienu jidhru ferm imħarrġa fuq xogħolhom, għalkemm il-Pulizija qed titkellem dwar ħames persuni.
L-aħħar attakki simili fl-Indoneżja kienu fl-2009 b’attentati kontra żewġ lukandi. 
Iktar kmieni:
Mill-inqas sitt persuni nqatlu f’sensiela ta’ attakki li heżżew il-belt kapitali Indoneżjana Jakarta.
Il-bombi laqtu stabbiliment kummerċjali li jinsab qrib l-uffiċini tan-Nazzjonijiet Magħquda, li ħallew xena ta’ persuni mitluqa mal-art quddiem kafetterija u l-għassa tal-pulizija.
Fost il-vittmi hemm mill-inqas erba’ suspettati li wettqu l-attakki.
L-isplużjonijiet ġew segwiti minn tiri b’armi tan-nar.
Fi żmien l-ewwel tas-sena kien hemm allert kbir fil-pajjiż minħabba theddidiet mill-Istat Iżlamiku. L-ISIS kien wissa b’”kunċert fl-Indoneżja li se jkun fl-aħbarijiet internazzjonali.”
Fil-passat l-Indoneżja kienet attakkata minn militanti tal-istat Iżlamiku.