Senegal: Ħajt jaqa’ għal fuq il-partitarji u joqtol tmienja

Fis-Senegal tmienja mietu u minn tal-inqas 49 indarbu wara li waqa’ ħajt għal fuq in-nies fi stadium waqt logħba futbol.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija waqt il-finali tal-League Cup Senegaliża fil-grawnd ta’ Demba Diop f’Dakar, il-kapitali, li kienet qed tintlagħab bejn Stade de Mbour u l-Union Sportive Ouakam.
L-inċident seħħ wara li nqala’ paniku xħin il-Pulizija sparat gass tad-dmugħ fuq gruppi li bdew jaqilgħu l-ġlied.
Ritratti juru persuni jiffullaw biex jaqbżu minn fuq ħajt li fl-aħħar ċeda għall-pressjoni.
Xhieda fuq il-post tal-inċident qalu li meta waqa’ l-ħajt mietu mill-ewwel xi persuni, hekk kif il-ġebel waqa’ direttament fuqhom, mingħajr xejn x’jilqa’.
Il-logħba ntemmet 1-1, iżda Stade de Mbour skurjaw il-gowl tar-rebħa fl-aħħar minuta tal-ħin miżjud, biex rebħu 2-1. Kien hawnhekk li nqala’ l-ġlied li wassal għat-traġedja.
Sadanittant, il-pajjiż riesaq lejn l-elezzjonijiet ġenerali, u kelliem għall-President Senegaliż Macky Sall qal li l-attivitajiet għall-jum tal-Ħadd se jieqfu b’rispett lejn il-mejtin.
Sostna li l-ħatja se jkollhom jaffaċċjaw kastigi bħala tagħlima għan-nazzjon kollu.