Il-Ministru Konrad Mizzi ma jridx jitkellem dwar il-kumpanija li għandu fil-Panama

Il-Ministru bla Portafoll Konrad Mizzi rrifjuta li jwieġeb għadd ta’ mistoqsijiet dwar kumpanija fil-Panama u tentattivi biex jiftaħ kontijiet bankarji.
Sena wara li l-Istitut tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) ippubblika l-Panama Papers, il-Ministru Konrad Mizzi qal li huwa esawrixxa s-suġġett kollu.
Wara konferenza tal-aħbarijiet li fiha sar ftehim bejn il-Malta Developers Association u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Konrad Mizzi ħarab milli jwieġeb dwar minn fejn se jġib miljun ewro fis-sena biex ipoġġihom fl-istrutturi sigrieti li fetaħ barra minn Malta.
Mistoqsi wkoll dwar l-għan tal-kumpaniji li nfetħu fl-istess żmien minn Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, Konrad Mizzi baqa’ ma wieġeb xejn.
Il-ħruġ tal-Panama Papers sena ilu wassal biex saru għadd ta’ protesti f’Malta u biex il-Prim Ministru Joseph Muscat ikun kostrett li jneħħi lil Konrad Mizzi minn Ministru għall-Enerġija u tas-Saħħa. Minkejja dan il-Prim Ministru għamlu Ministru fl-Uffiċċju tiegħu responsabbli mill-enerġija.
Sena wara, minkejja li huwa pubbliku li l-Ministru Konrad Mizzi għandu l-kumpanija Hearnville u Keith Schembri għandu l-kumpanija Tillgate, il-kumpanija Egrant għadha misteru, bil-persuna ta’ warajha baqgħet mhux magħrufa.