Sena u nofs wara l-mewt ta’ Daphne; jispikkaw il-kummenti ta’ mibegħda

Alessandra dee Crespo

Wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kienu ħafna dawk li wrew is-sogħba tagħhom għal dak li ġara. Madankollu matul dawn l-aħħar xhur fuq il-midja soċjali kien hemm bosta kummenti ta’ mibegħda fuq l-istess ġurnalista.

Caruana Galizia kienet ġurnalista investigattiva li nqatlet f’karozza bomba fis-16 t’Ottubru, 2017. Bħala ġurnalista hija żvelat diversi stejjer li qanqlu reazzjonijiet kif ukoll investigazzjonijiet f’Malta.

Waqt il-programm Newsline mmexxi minn Fr Joe Borg fuq RTK 103FM, kemm il-preżentatur kif ukoll il-mistieden residenti Peppi Azzopardi kkundannaw dawn il-kummenti. Peppi Azzopardi qal li lanqas girfa ma tista’ tiġi ġġustifikata aħseb u ara li persuna tispiċċa maqtula permezz ta’ bomba. Azzopardi fakkar li fl-aħħar mill-aħħar din il-persuna hija omm, mara u bint ta’ xi ħadd.

Fl-aħħar seduta tnejn mit-tliet akkużati, l-aħwa Alfred u George Degiorgio talbu li jiltaqgħu mal-Ewroparlamentari David Casa u Ana Gomes kif ukoll fil-preżenza ta’ ġurnalisti barranin. Madankollu fi stqarrija konġunta ż-żewġ Ewroparlamentari rrifjutaw it-talba li saret biex ikun hemm l-awtorizzazzjoni. Huwa kienu saħqu li mhux post il-politiċi li jinnegozjaw ma’ persuni suspettati bil-qtil u jinsabu arrestati.

Aqra: Assassinju Daphne: Casa u Gomes jirrifjutaw it-talba biex jiltaqgħu mal-aħwa Degiorgio

Matul din is-seduta Uffiċjal tal-LESA ppreżenta fil-Qorti kopji ta’ żewġ ċitazzjonijiet relatati mal-vettura li Alfred Degiorgio kien qed jikri. Huwa qal li wara t-tfittxija fis-sistema nstab li kien hemm żewġ ċitazzjonijiet ma nstabux ir-ritratti fuq is-sistema u lanqas ġew arkivjati.