Sena u nofs oħra l-anzjani Għawdxin se jkollhom dar ġdida

L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar approvat l-applikazzjoni għall-proġett ta’ bini ta’ dar tal-anzjani f’Għajnsielem. Dan se jsir fi Triq l-Imġarr, fil-post fejn sa issa kien hemm Dar San Ġużepp. Ix-xogħol fuq dan il-proġett mistenni jibda fi żmien xahar bil-pjan li jitlesta fi żmien sena u nofs.
F’Mejju 2013, il-Ministeru għal Għawdex u d-Djoċesi ta’ Għawdex kienu waslu għal ftehim biex din id-dar tinkera u l-Ministeru jieħu f’idejh it-tmexxija tagħha. Dan wassal biex ġiet sottomessa applikazzjoni mal-MEPA.
Il-proġett jinkludi twaqqiegħ ta’ parti minn Dar San Ġużepp u bini ta’ dar ġdida għall-anzjani, li se tkun imqassma fuq tliet sulari b’parkeġġ taħt l-art, restorant, kappella u faċilitajiet oħra.  
Hu mifhum li d-dar tal-anzjani se ssir b’investiment ta’ madwar miljun ewro u se jkun fiha madwar 70 kamra u 140 sodda, kollha spazjużi b’veduti mill-isbaħ ta’ Forti Chambrai, ix-Xatt l-Aħmar u Kemmuna. Hemm il-pjan li jkun hemm kmamar b’żewġ sodod, għall-koppji anzjani, bil-għan li jibqgħu flimkien sal-aħħar ta’ ħajjithom.
Id-Djoċesi ta’ Għawdex se tkun qed tipprovdi s-servizzi reliġjużi kollha fosthom quddies, eżercizzji pastorali u funzjonijiet fi ġranet festivi. Għal dan il-għan se jkun hemm saċerdot preżenti 10 sigħat kuljum is-sena kollha.