Sena u nofs ħabs wara li għafas il-pedala tal-gass għal fuq Pulizija f’Għawdex

Raġel mix-Xlendi weħel sena u nofs ħabs, multa ta’ €4,500 u sospensjoni għal sena tal-liċenzja tas-sewqan, wara li pprova jsuq għal fuq uffiċjali tal-Pulizija u li għadda minn triq one-way biex jaħrab minnhom.
Ir-raġel Charles Muscat ta’ 36 sena, ġie akkużat li saq b’negliġenza bejn Marsalforn u l-Fontana meta kien qed jiġi segwit mill-Pulizija, li kiser ordni preċedenti tal-qorti li jidħol id-dar qabel ċertu ħin, u li għafas il-pedala tal-gass għal fuq il-pulizija f’Marsalforn.
Wara li fl-aħħar spiċċa arrestat, l-avukat tar-raġel sostna li l-pulizija ttrattawh ħażin, li qala’ xebgħa waqt li kien qed jiġi arrestat, u li fil-lejl tal-allegat inċident il-karozza kienet qed tinstaq mill-mara tiegħu.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud sostna li dan it-tip ta’ aġir fuq uffiċjali tal-Pulizija huwa inaċċettabbli u ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lill-mara tal-akkużat talli xehdet falz taħt ġurament.