Sena tard: Drenaġġ, trab, u storbju f’Ħal Balzan

Miguela Xuereb

Read in English.

Qalulhom li se titlesta f’Settembru tal-2018 imma sena wara r-residenti ta’ Triq il-Wied f’Ħal Balzan qed jaffaċċaw drenaġġ, trabijiet, u storbju apparti li għandhom triq maqlugħa.

Wieħed mill-persuni li joqgħod f’dik it-triq huwa Dr Antoine Vella. Hu ddeskriva r-realtà li qed jgħixu ta’ kuljum lil Fr. Joe Borg waqt il-programm The Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103.

Vella qal li hemm gandott twil 30 metru li fil-qiegħ tiegħu hemm għadira drenaġġ li qed tarmi rieħa tinten.

“Raw sewage. Tista’ xxommu. Ilu tliet ġimgħat żgur,” qal Vella li kompla jgħid li jitħassar lill-ħaddiema. Spjega li dawn iż-żgħażagħ qed jinżlu u jitlgħu fid-drenaġġ fis-sħana mingħajr l-ilbies protettiv neċessarju. Qal li filwaqt li r-residenti jistgħu jistkennu, il-ħaddiema jkunu barra qalb id-dubbien.

Vella fakkar kif ix-xogħol beda f’Ġunju tas-sena l-oħra. Bħalissa hemm garaxxijiet li ma jistgħux jintużaw u aċċess limitat għal min juża’ siġġu tar-roti. Skont Vella l-awtoritajiet mhux qed jgħidulhom meta se titlesta t-triq. Żied jgħid li l-awtoritajiet lanqas lill-Kunsill Lokali mhu qed jgħidu.

X’qalu s-sidien tal-ħwienet?

Newsbook.com.mt mar fi Triq il-Wied f’nofs Settembru biex jitkellem ma’ xi sidien tal-ħwienet li hemm fiż-żona. Dakinhar ħadd ma ried jidher fuq il-kamera jew jiġi kkowtat b’ismu mill-ġurnalisti.

Però għadd minnhom qalu li x-xogħlijiet li qed isiru qed jaffettwawlhom il-bejgħ. Hemm problema ta’ aċċess u ta’ parkeġġ għall-klijenti tagħhom. It-trab mit-triq qed jidħol fil-ħwienet li jridu jiġu mnaddfa aktar ta’ sikwit. Persuna li taħdem fiż-żona qalet li wara li bdew ix-xogħlijiet, żewġ ħwienet għalqu, però ma setgħetx tikkonferma jekk għalqux speċifikament minħabba x-xogħlijiet. Il-persuni li magħhom tkellem Newsbook.com.mt ma kenux qed jinżammu aġġornata bl-andament tax-xogħol.

Fl-2018 il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar li Triq il-Wied Ħal Balzan se tkun qed tinbena mill-ġdid. Fi stqarrija, Borg qal li x-xogħol se jsir mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura b’investment ta’ madwar €0.5 miljun.

Triq il-Wied f’Ħal Balzan se ssir mill-ġdid

F’Awwissu li għadda, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan qal li sena wara, it-titjib fi Triq il-Wied għadu fi stadju bikri.

“Residenti fit-trab, kanali tad-drenaġġ miftuħin” – Il-Kunsill ta’ Ħal Balzan