Sena ta’ suċċessi għal Topspin Table Tennis Academy

Is-sena 2015 kienet waħda ta' suċċess għal Topspin Table Tennis Academy.
B’ħarsa lejn l-avvenimenti li seħħew tul is-sena l-oħra, naraw kif Jannar ra l-bidu tal-istaġun tal-Lig Nazzjonali Malti 2014/2015. Topspin Table Tennis Academy pparteċipat b’tim fl-ewwel diviżjoni – Malta University SSC Andro – u ieħor fit-tieni – Topspin Table Tennis Academy Andro. Iż-żewġ timijiet kisbu rebħa.
Matul Frar, Malta University SSC Andro baqa’ jżomm postu fil-quċċata tal-ewwel diviżjoni tal-Lig Nazzjonali. Daniel Bajada, wieħed mill-kowċis assistenti ta' Topspin Table Tennis Academy, kiseb l-ewwel post fit-tieni Seniors Ranking Tournament tal-istaġun organizzat mill-Malta Table Tennis Association (MTTA).
F’Marzu ġew organizzati t-tielet Junior Ranking Tournaments u l-akkademja pparteċipat fl-Under 11 u fl-Under 15.
Barra minn hekk, l-akkademja ħadet sehem ukoll fl-Under 13; liema tournament ġie mirbuħ minn Ryan Paul Camilleri li hu student ta’ Topspin Table Tennis Academy, l-Under 18 u l-Under 21.
F’April, bosta studenti pparteċipaw fil-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta tal-Juniors li jiġu organizzati ta’ kull sena mill-MTTA. Hawnhekk,May Zahra, kklassifikat fit-tieni post fl-Under 15 tal-bniet filwaqt li Kyle Galea, kiseb l-ewwel post fil-Plate Event.
Is-singles u d-doubles tal-Under 13 u d-doubles tal-Under 15, raw lil Ryan Paul Camilleri jikklassifika fit-tieni post.
L-Under 21 kienu ddominati minn rebħa għall-Akkademja hekk kif il-logħba tad-doubles ġiet mirbuħa minn Ryan Tabone u minn Daniel Bajada.
Apparti minn hekk, Topspin Table Tennis Academy ħadet sehem ukoll fl-Under 18 u fl-Under 11 fejn irnexxielha tikseb riżultati pożittivi.
Fil-fatt l-Under 11 tal-bniet intrebaħ minn Anthea Cutajar filwaqt li Asacchia Farrugia kiseb it-tieni post fl-Under 11 mixed doubles.
Matul dan ix-xahar ukoll, il-Kowċ Edward Baldacchino flimkien ma’ Daniel Bajada rħewlha għall-Kampjonati tad-Dinja tat-table tennis li seħħew f’Suzhou ġewwa ċ-Ċina.
Bejn l-aħħar t’April u l-ewwel ġimgħa ta’ Mejju, l-Akkademja laqgħet lill-Kowċ Pollakk Andrzej Borkowski biex iqatta’ ġimgħa mal-istudenti u jippreparahom għal meta kien se jirritorna magħhom fis-sajf.
F'Mejju l-Akkademja ġiet dikjarata bħala champion għat-tieni sena konsekuttiva, hekk kif it-tim Malta University SSC Andro rebaħ il-Lig Nazzjonali Malti tal-ewwel diviżjoni. 
Għat-tielet sena konsekuttiva, Topspin Table Tennis Academy reġgħet kienet l-iktar akkademja li kisbet titli bi tlieta deheb u waħda bronż fil-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta tas-Seniors organizzat mill-MTTA
Rebħa importanti għall-Akkademja kienet dik ta’ Daniel Bajada hekk kif irnexxielu jegħleb lil Andrew Gambina u jikseb lura t-titlu ta’ Seniors National Champion 2014/2015.
F’Ġunju, l-Akkademja organizzat ir-raba’ ranking tournament.
Għal sena oħra, Topspin Table Tennis Academy reġgħet ħasbet biex, matul ix-xhur tas-sajf, terġa’ twaqqaf il-programm impenjattiv tal-iskola sajf li ta’ kull sena jiġi fi tmiemu permezz tal-Andro First Ranking Tournament fi ħdan l-Akkademja stess.
Andrzej Borkowski, kowċ barrani li rċieva l-Masters fil-kowċing tat-table tennis, reġa’ ngħaqad mal-Akkademja għal ftit ġimgħat biex ikompli jgħin lill-istudenti jiżviluppaw kemm it-teknika tal-logħba tat-table tennis kif ukoll l-abbiltà fiżika u l-istamina.
Apparti minn hekk, il-Psikologa tal-Isport Adele Muscat reġgħet laqgħet l-istedina tal-Akkademja biex għal darb’oħra, tipprepara taħdita dwar kif għandek tħejji ruħek mentalment għal-logħba tat-table tennis u kif għandek dejjem tfittex li toħroġ il-pożittività minn kull ostaklu li niltaqgħu miegħu waqt il-logħob.
Fi tmien is-sajf, il-kowċ Edward Baldacchino flimkien ma' Daniel Bajada rrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonati Ewropej tat-table tennis li seħħew f’Yekaterinburg, ir-Russja.
F’Ottubru, Topspin Table Tennis Academy ħadet sehem fl-ewwel Junior Ranking Tournament organizzat mill-MTTA hekk kif reġa’ nfetaħ l-istaġun tal-logħob. Hawnhekk Anthea Cutajar kisbet it-tielet post fl-Under 11 u May Zahra rebħet il-Plate Event tal-Under 13.
Barra minn hekk, l-Akkademja pparteċipat ukoll fl-ewwel Seniors Ranking Tournament fejn rat lil Edward Baldacchino jikklassifika fit-tieni post.
Mal-bidu tal-istaġun il-ġdid, l-Akkademja ħadet sehem fil-Lig Nazzjonali Malti 2015/2016 għall-ewwel darba b’erba’ timijiet: wieħed fl-ewwel diviżjoni, ieħor fit-tieni diviżjoni u tnejn fir-raba’ diviżjoni.
F’Novembru, l-MTTA, ippremjat lit-tim Malta University SSC Andro li kien rebaħ il-Lig Nazzjonali Malti 2014/2015.
F'Diċembru l-Akkademja reġgħet kisbet riżultati pożittivi fil-Junior Ranking Tournaments u fis-Seniors. Il-Plate Event tal-Under 18 ġie mirbuħ minn Kyle Galea filwaqt li l-Under 15 intrebaħ minn Ryan Paul Camilleri.
Rebħa importanti kienet dik ta’ Edward Baldacchino li rnexxielu jikseb mill-ġdid l-ewwel post tas-Seniors Ranking Tournament.
Bħas-sena preċedenti, Topspin Table Tennis Academy organizzat it-tieni ranking tournament tagħha b’risq l-Istrina.
Fi tmiem is-sena l-Akkademja ppremjat is-suċċessi tal-istudenti fl-okkażjoni tal-Award Presentation Dinner.