Sena ta’ deċiżjonijiet għas-servizz pubbliku – Mario Cutajar

Waqt il-konferenza annwali, bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar elenka d-deċiżjonijiet li se jittieħdu fi ħdan is-Servizz Pubbliku fl-2015.
Huwa enfasizza fuq l-importanza li s-servizz pubbliku jkun flessibbli u li jirrispondi għall-ħtiġijiet, ħidma bejn l-Università ta’ Malta u ċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ, ħidma iżjed fil-qrib mal-MCAST u korsijiet ġodda fl-Amministrazzjoni Pubblika.
Dwar it-taħriġ, Cutajar qal li dan irid jiddaħħal minn meta persuna tiġi impjegata mas-Servizz Pubbliku.
Għalhekk se jiġu introdotti induction courses biex uffiċjali ġodda jingħataw għarfien xieraq.
Semma wkoll il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn uffiċjali pubbliċi ta’ esperjenza u oħrajn bi kwalifi. 
Dwar il-Public Service Management Code, Mario Cutajar qal li din is-sena se ssir reviżjoni tar-regolamenti eżistenti bil-għan li jsir iktar sempliċi u aġġornat.
Qal ukoll li l-użu tas-servizzi tal-Gvern onlajn jrid isir aktar sempliċi. Cutarjar qal li bħalissa ir-rata tal-użu tas-servizzi tal-Gvern onlajn f’pajjiżna hija baxxa.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni nieda l-logo uffiċjali għat-tiġdid fis-Servizz Pubbliku.
Tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ iktar għarfien tat-tajjeb li jsir u rikonoxximent tal-ħidma li ssir fi ħdan is-Servizz Pubbliku.

Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill