Sena oħra bla ġustizzja għal Daphne

Miguela Xuereb

Read in English.

19 għaqda internazzjonali talbu li tintemm l-impunità dwar l-assasassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fi stqarrija li ħarġet fit-tielet anniversarju mill-mewt tagħha.

Filwaqt li nnutaw li erba’ persuni ġew imressqa fuq il-qtil – it-tlett irġiel akkużati li wettquh u l-allegat mandant – l-għaqdiet insistew li ġustizzja mdewma hi ġustizzja miċħuda. Insistew ukoll li jkun hemm investigazzjonijiet kriminali wiesa’ u effettivi sabiex toħroġ il-verità kollha u kull min hu responsabbli għall-assassinju jiffaċċja l-ġustizzja.

L-għaqdiet laqgħu l-inkjesta pubblika li qed issir fuq l-assassinju, għalkemm żied li din saret biss wara pressjoni kontinwa fuq gvern li pprova jostakola l-proċess. Insistew li l-inkjesta għandha titħalla taħdem, u esprimew tħassib fuq kif il-Prim Ministru Robert Abela qed jipprova jimponi skadenza.

Fakkru wkoll kif Caruana Galizia kienet kitbet li ħafna nies kienu qed jiftħu libelli kontriha biex jintimidawha, u qalu li ma kienx aċċettabbli li l-familja tagħha għada tiġġieled kawżi bħal dawn, mill-eks prim ministru Joseph Muscat, l-eks ministru Konrad Mizzi, Silvio Debono u oħrajn.

Wegħdu li se jkompli jissieltu sakemm ikun hemm ġustizzja sħiħa ma’ Daphne, u qalu li jittamaw li dan ikun l-aħħar anniversarju ta’ mewtha fejn ikollhom jisħqu li għandha tintemm l-impunità u li jispiċċa l-fastidju kontinwu indirizzat lill-familja tagħha.

Is-stqarrija kienet iffirmata minn ARTICLE 19, Civil Society Europe, Committee to Protect Journalists, European Centre for for Press and Media Freedom, European Federation of Journalists, Free Press Unlimited, Global Forum for Media Development, IFEX, Index on Censorship, International Federation of Journalists, International Media Support, International Press Institute, Justice and Environment, Media Diversity Institute, Osservatorio Balcani Caucaso Transeuropa, PEN America, Reporters Without Borders, Scottish PEN u Transparency International EU.

‘Il-ġlieda għadha ma spiċċatx’ – Omtzigt

Fi stqarrija separata, id-deputat Olandiż Pieter Omtzigt, li huwa r-rapporteur tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill Ewropew fuq l-assassinju u fuq is-saltna ta’ dritt f’Malta, ukoll ilmenta li wara tlett snin, għadha ma saritx ġustizzja ma Daphne.

“Għalkemm it-tlett persuni sospettati li wettqu l-assassinju ġew imressqa kważi tlett snin ilu, u għalkemm l-intermedjarju ammetta kważi sena ilu, il-ġuri ta’ dawk akkużati bil-qtil ta’ Daphne għadu ma bediex. Il-kumpilazzjoni ta’ evidenza li bdiet fl-2017 tkompli sporadikament, mgħarrqa fil-konfużjoni, mingħajr indikazzjoni ta’ tmiem,” qal Omtzigt.

“Għalkemm l-inkjesti maġisterjali fuq ir-rapporti ta’ Daphne fuq korruzzjoni ta’ livelli għolja għadhom ma waslu mkien wara tlett snin u nofs, il-Prim Ministru qed jipprova jagħlaq l-inkjesta pubblika indipendenti fuq l-assassinju tagħha wara biss sena,” żied jgħid id-deputat Olandiż. “L-inkjesta qed tirreġistra progress notevoli biex titfa’ dawl pubbliku u uffiċjali fuq iċ-ċirkostanzi madwar mewtha. Għandha titħalla tlesti l-mandat wiesa’ u inklussiv tagħha.”

Omtzigt qal ukoll li għalkemm tlett snin għaddew, il-każ la intesa u lanqas se jintesa.

“Il-ġlieda għadha ma spiċċatx,” ikkonkluda jgħid.