Sena mill-ħatra tal-Papa Franġisku

Bħal lum sena Jorge Mario Bergoglio ġie elett bħala l-Papa ġdid tal-Knisja Kattolika, l-ewwel Papa mhux mill-Ewropa fl-era moderna, l-ewwel wieħed mill-kontinent Amerikan u l-ewwel Papa Ġiżwita. 

Il-Papa Franġisku spikka fost l-oħrajn għall-umiltà tiegħu, u x-xhieda ta' dan tidher fil-ħajja li jgħix ta’ kuljum.

Fl-aħħar sena l-Papa Franġisku kellu messaġġ għal kulħadd, fost l-oħrajn għal koppji miżżewġa, iż-żgħażagħ, dawk li fallilhom iż-żwieġ, il-foqra, il-morda, l-omosesswali, il-ħabsin, dawk li jabbużaw mid-droga u l-immigranti.

Dawn huma wħud mill-frażijiet li ħarġu minn fomm il-Papa f’din l-ewwel sena tiegħu:

·         “Nixtieq Knisja fqira u għall-foqra”
·         “Fil-familji għandhom jintużaw il-frażijiet “aħfirli, grazzi u jiddispjaċini”
·         “Nakkumpanjaw, mhux nikkundannaw lil min ifalli fiż-Żwieġ”
·         “Il-persuni omosesswali għandhom jiġu integrati fis-soċjetà’
·         “Jekk persuna omosesswali ddur lejn Alla, min jien biex niġġudikaha?
·         “Alla jinsab magħluq fiċ-ċella ma’ dawk fil-ħabs”
·         “L-immigranti huma l-ġisem ta’ Kristu”
·         “Il-ħajja superfiċjali hi l-kankru tas-soċjetà’
·         “L-Internet jista’ joffri iktar opportunitajiet ta’ kuntatt u solidarjetà, u dan hu don minn Alla”
·         “Hemm bżonn li d-dinja ssir komunità ta’ aħwa”
·         “Ir-rabja u l-mibegħda jivvelenaw ir-ruħ”
·         “Minflok li nkunu Knisja bil-bibien miftuħa, ejja nippruvaw inkunu Knisja li tfittex toroq ġodda”
 
Fl-okkażjoni tal-ewwel sena tal-Papa Franġisku, il-Vatikan ħareġ ktejjeb onlajn li jiġbor sensiela ta’ kwotazzjonijiet tal-Papa.