Qtil li jurina li r-razziżmu hu perikoluż – Cutajar

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianna Cutajar qalet li l-qtil ta’ Lassana Cisse juri b’mod ċar kif il-kliem ta’ mibgħeda u razziżmu huma perikolużi. Qalet dan tant li anke jistgħu jwasslu għal ċirkustanzi fatali.

Dan qalitu waqt li dalgħodu marret fuq il-post fejn tilef ħajtu r-raġel mill-Kosta tal-Avorju u poġġiet fjuri b’turija ta’ rispett f’għeluq is-sena mill-qtil tiegħu. Hi rrimarkat li lingwaġġ ta’ mibgħeda tat-tip żgur m’hemmx postu fis-soċjetà Maltija.

“Il-mewt ta’ Lassana għandu jiftħilna għajnejna u jgħallimna nieħdu b’serjetà ikbar is-suġġett tal-integrazzjoni. L-integrazzjoni ssaħħaħna bħala soċjetà waħda multikulturali u diversa. L-integrazzjoni tgħallimna nħarsu lejn xulxin b’mod ugwali mingħajr distinzjoni, filwaqt li tgħinna nirnexxu lkoll flimkien,” sostniet Cutajar.

Sena mil-qtil kiesaħ u biered ta’ Lassana Cisse

Propju bħal-lum sena nqatel Lassana Cisse. B’rabta ma’ dan qed issir kommemorazzjoni onlajn sabiex il-qtil tiegħu, wieħed li kien razzjalment motivat, ma jintesiex.

Ir-raġel ta’ 42 sena nqatel fis-6 t’April tal-2019 fi triqtu lejn iċ-Ċentru tal-Immigranti f’Ħal Far. Żewġ eks suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, Lorin Scicluna ta’ 22 sena u Francesco Fenech ta’ 21 sena, qed jiġu akkużati bil-qtil, għal raġunijiet razzjali. Huma akkużati wkoll li ppruvaw joqtlu żewġ irġiel oħra, mexjin fl-istess triq li kien fiha Lassana, f’hit and run. Dawn iż-żewġ immigranti rnexxielhom isalvaw.

L-avveniment onlajn immexxi minn Moviment Graffitti se jdum għaddej 24 siegħa. L-għaqda sostniet li filwaqt li ż-żewġ allegati assassinji tiegħu jinsabu barra fuq ħelsien proviżorju mill-arrest u qed ikomplu jgħixu ħajjithom, ħajjet Lassana nqatet fil-qasir, “bl-unika kriminalità tiegħek kienet li kien ta’ karnaġġjon skur”.

L-għaqda sostniet li wieħed iħalli jum bħal dan jgħaddi bħal qisu xejn m’hu xejn ikun ifisser li Lassana miet għalxejn. B’hekk talbet lil kull min għandu ritratti u filmati li jfakkru ħajjet Lassana u messaġġi ta’ solidarjetà mal-vittmi l-oħrajn li għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja. Sostnew li għexieren ta’ immigranti għadhom qed isofri minn diskriminazzjoni razzjali u inġustizzji ta’ kuljum.

Moviment Graffitti qal li wieħed jista’ jgħin ukoll f’dan il-jum billi jagħti donazzjoni lill-Migrant Women Association Malta li għadhom kemm nedew kampanja ta’ ġbir ta’ fondi b’emerġenza minħabba żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq nisa immigranti li ġabet magħha l-COVID-19.

❗TODAY, ALL DAY❗ In Commemoration Of Lassane Cisse's MurderToday marks the one-year anniversary of Lassana Cisse's…

Posted by Moviment Graffitti on Sunday, April 5, 2020