Sena internet b’xejn għall-istudenti li jkomplu jistudjaw

Il-Gvern se jagħti sena internet b’xejn għall-istudenti li jkomplu jistudjaw wara li jagħlqu 16-il sena.

Din kienet waħda mill-proposti dwar l-edukazzjoni li ġew imħabbra fid-diskors tal-baġit fil-Parlament mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Fost miżuri oħrajn, il-Ministru semma:

  • L-edukazzjoni online se tibda tiġi rregolata mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla
  • Proġett Pilota biex l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC fl-iskola sekondarja li jkunu tgħallmu fiha
  • Kumpless sportiv ġdid fl-Università ta’ Malta, liema kumpless se jinkludi, fost l-oħrajn, faċilitajiet għall-arti performattiva; indoor track għat-taħriġ tal-atleti; grawnd tal-futbol full size; trekk olimpiku u binja ġdida għall-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u għall-Iskola tal-Arti Performattiva.
  • Għaqdiet se jiġu eżenti milli jħallsu t-taxxa sakemm ma jaqbżux il-€50,000
  • Għadd ta’ riformi fosthom: l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra r-Razziżmu u l-Xenofobija, riforma tal-Kannabis u biex fil-Parlament ikun hemm rappreżentanza ugwali.

Dwar is-saħħa, il-Gvern ħabbar dawn il-proposti:

  • Xiri tal-vaċċin kontra l-COVID-19 malli dan joħroġ fis-suq
  • Tiġdid fil-formolarju tal-Gvern permezz ta’ mediċini ġodda speċjalment fil-qasam tal-kanċer.
  • Riżerva għall-Pandemija li se tipprovdi iktar riżorsi biex il-pajjiż ikompli jegħleb, b’mod effettiv, it-tixrid tal-virus tal-COVID-19
  • Mediċini psikjatriċi ġodda fuq il-Formularju tal- Gvern, li se tikkumplimenta l-firxa ta’ servizzi ta’ kura mentali fil-komunità
  • Sptar ġdid tal-Kura Psikjatrika Akuta, viċin l-Isptar Mater Dei
  • Aktar sodod disponibbli għall-anzjani, kemm fl-isptarijiet pubbliċi, kif ukoll bi proġetti bi sħab mal-privat jew xiri ta’ sodod mill-privata.
Segwi d-diskors tal-Baġit 2021
BAĠIT 2021: Id-diskors LIVE mill-Parlament