Sena imprezzabbli għall-President tal-Federazzjoni taċ-Ċikliżmu

Għal John Zammit, President tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu din is-sena kienet waħda ta’ glorja fejn matulha rċieva l-aqwa u l-ikbar rikonoxximenti, kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

Nhar il-Ġimgha, 27 ta’ Settembru 2019 f’Harrogate, Yorkshire, John Zammit ingħata l-Premju tal-Mertu mill-president tal-UCI David Lappartient waqt il-188 Kungress tal-UCI. Huwa rċieva dan il-Premju għas-servizz eċċellenti u d-dedikazzjoni tiegħu għaċ-ċikliżmu. Wara li fit-13 ta’ Marzu 2016 f’Vale do Lobo – Algarve fil-Portugall, John Zammit kien ingħata l-Premju tal-Mertu UEC waqt l-Assemblea Ġenerali Ordinarja tal-2016 b’hekk huwa sar l-uniku membru fil-qasam ċiklistiku li rebaħ dawn iż-żewġ rikonoxximenti ta’ prestiġju.

Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Novembru 2019, Zammit reġa’ kien elett bħala l-President tal-istess Federazzjoni meta rebaħ l-elezzjoni għal President biex issa jibqa’ fit-tmexxija għal sentejn oħra wara li ilu għal 17-il sena fit-tmun tal-Federazzjoni.

Nhar is-Sibt 7 ta’ Diċembru 2019 huwa kien inkluż fil-Hall of Fame tal-Kumitat Olimpiku Malti waqt is-serata tal-MOC Awards 2019.

Nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru 2019 Zammit ġie ppremjat bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, waqt ċerimonja li saret fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika għas-servizz tiegħu fil-qasam taċ-ċikliżmu kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

Intant nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu 2019, Zammit flimkien ma’ Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-istess Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u mad-diversi delegati li pparteċipaw fil-Kungress Annwali tal-Unjoni Ewropea taċ-Ċikliżmu (UEC), kellhom udjenza privata mal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku fis-Sala Clementina tal-Palazz Appostoliku ħdejn il-Bażilika ta’ San Pietru fil-Belt tal-Vatikan.  F’din l-okkażjoni d-delegati kollha preżenti kellhom ix-xorti li jieħdu b’idejn il-Qdusija Tieghu l-Papa Bergoglio.

Wara dawn l-apprezzamenti kollha, John Zammit irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu miegħu matul l-iktar minn 50 sena tiegħu fil-karriera taċ-ċikliżmu u qal li dawn kienu unuri kbar mhux biss għalih personalment, iżda wkoll għall-Federazzjoni u l-Isport f’Malta inġenerali.