“Sena ilu kont fi stat xokkanti” – Ozzy

Read in English.

F’intervista fuq l-ABC Good Morning America ​​ilbieraħ it-Tlieta 21 ta’ Jannar 2020, Ozzy Osbourne u martu Sharon ħabbru li fi Frar 2019 huwa sar jaf li kien qed ibati bil-Parkin’s II li hija forma tal-marda ta’ Parkinson.

Matul il-programm, Sharon qalet dwar il-marda, “Huwa qisek għandek ġurnata tajba, ġurnata tajba, u mbagħad ġurnata ħażina”. Ozzy żied jgħid, “Sena ilu x-xahar id-dieħel, kont fi stat xokkanti …  m’iniex tajjeb biex naħbi s-sigrieti, ma nistax ma ngħidx dan.”

Osbourne qal li kien determinat li jerġa’ lura fit-triq tas-soltu u qal li issa meta jkun fuq il-palk ikun qed iwettaq il-kura tiegħu filwaqt li Sharon qalet li Ozzy kellu bżonn joħroġ mid-dar għax kien qed iqabbadha l-ġenn.

Osbourne kiseb fama fis-snin 70 bħala l-kantant ewlieni tal-Black Sabbath. Wara li tkeċċa mill-grupp fl-1979 huwa kiseb suċċess bħala kantant solista. Madankollu maż-żmien kien ta wirjiet mal-Black Sabbath f’diversi okkażjonijiet.

Il-koppja Ozzy-Sharon ilhom miżżewġa mill-1982. Il-koppja għandhom tlett itfal li tnejn minnhom, Kelly u Jack, dehru mal-ġenituri tagħhom fir-reality show ta’ MTV, The Osbournes li dam għaddej mill-2002 sal-2005. Huwa għandu wkoll tlett itfal minn żwieġ ta’ qabel.

Sharon ħabbret ukoll li x-xewqa tagħha għal din is-sena hi li tagħmel dokumentarju dwarha u dwar Ozzy flimkien.