“Sena ilu ġġarrfet darna u għadna fl-istess sitwazzjoni”

Miguela Xuereb

Bħal-lum sena ilu Malta kollha nħasdet meta reġgħet iġġarrfet binja, din id-darba f’Tal-Pietà. Ir-residenti rnexxielhom jiżgiċċaw ‘il barra fil-ħin biex ma jintradmux taħt it-terrapien, iżda sena wara, ilmentaw li għadhom fl-istess sitwazzjoni.

Fl-24 t’April tal-2019, Caroline u Winston Micallef, waħda mill-familji residenti f’Tal-Pietà nħasdu meta kienu se jorqdu u semgħu ħoss kbir. Indunaw li darhom kienet qiegħda tiġġarraf. Dakinhar huma u tliet familji oħra spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Il-Gvern offrielhom post fejn joqogħdu sakemm tinstab soluzzjoni, iżda jidher li din is-soluzzjoni baqgħet ma nstabitx.

B’rabja, Caroline kitbet fuq Facebook illum illi ilhom sena ‘l bogħod minn dak kollu li kien tagħhom, dak kollu li ħadmu għalih. Staqsiet lill-iżviluppaturi u l-awtoritajiet kif ma tniggiżhomx il-kuxjenza. Temmet il-messaġġ tagħha bil-kliem, “Sadanittant il-binja tagħkom lesta u tagħna għadha mwaqqgħa.”

L-aħħar inċident ta’ din ix-xorta ġara fl-1 ta’ Marzu, meta ntradmet binja fil-Ħamrun minħabba x-xogħlijiet ta’ skavar li kienu għaddejjin ħdejha. Dan l-inċident inbidel fi traġedja meta Miriam Pace, mara ta’ 54 sena, tilfet ħajjitha għaliex intradmet taħt it-terrapien.

L-għada kienet saret protesta siekta b’tifkira tal-vittma, li għaliha attendew Caroline Micallef u Janet Walker, li wkoll tilfet darha meta din iġġarrfet f’Ġunju tal-2019 fi Gwardamanġa.

Dakinhar, Caroline qalet li l-awtoritajiet ma ħadux xogħfa mill-każ tagħha u ta’ żewġha, u tar-residenti l-oħrajn li ġġarrfitilhom darhom. Qalet li lil Miriam Pace ma kinitx tafha, imma tħossha daqslikieku kienet tafha peress li lilha u lil żewġha “kważi qatluhom” meta waqgħet darhom ukoll. Stqarret li għadhom ħajjin għal 10 minuti.

F’Marzu, Caroline kienet stqarret ma’ Newsbook.com.mt li kellhom kuntatt mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, peress li uffiċjal kien qed jaħdem fuq il-każ tagħhom. Fil-każ ta’ Janet Walker u r-residenti l-oħra ta’ Gwardamanġa, dawn iltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela u ġew offruti żewġ soluzzjonijiet.