Sena ilu Benedittu jħabbar ir-rinunzja…tibda t-triq tar-rivoluzzjoni fil-Knisja

Bħal lum sena, Benedittu XVI ħa deċiżjoni li tista’ tgħid biddlet ħidmet il-Knisja.  Fil-11 ta’ Frar tas-sena li għaddiet, il-Papa Benedittu ħabbar li minħabba saħħtu, m’għadux jiflaħ imexxi l-Knisja Kattolika.
Fl-istorja tal-Knisja, Benedittu kien il-265 papa.  Il-Pontifiċju tiegħu beda fil-25 ta’ April 2005 u spiċċa fit-28 ta’ Frar 2013. 

Fi kliem l-eks segretarju personali tal-Papa Emeritu, Mons. Georg Gänswein, id-deċiżjoni ta’ Benedittu kienet att ta’ kuraġġ, att rivoluzjonarju li sa sena ilu ħadd ma seta’ jimmaġinah.
Benedittu hu l-ewwel papa li rrinunzja li jkompli l-pontifikat sa mill-1415.  Permezz tad-deċiżjoni tiegħu, saru l-Konklavi u ntgħażel Jorge Mario Bergoglio, l-ewwel Papa mill-Amerika Latina u li bil-mod tiegħu, qed iqarreb it-tagħlim tal-Knisja mal-ħajja reali.

F’għeluq is-sena minn dan l-anniversarju, Mons. Gänswein qal li għalkemm kien jaf minn qabel bid-deċiżjoni tal-Papa Benedittu, xorta waħda inħasad meta sema’ lil Papa stess iħabbar id-deċiżjoni ta’ riżenja.  
Dwar il-laqgħat bejn iż-żewġ Papiet, Padre Federico Lombardi, il-kelliem għas-Santa Sede, qal li dawn huma sinjali ċari tal-kontinwità tal-Ministeru Petrin għas-servizz tal-Knisja.
 
Bħalissa, il-Papa Joseph Ratzinger qed jgħix fil-monasteru Mater Ecclesiae fil-Vatikan stess. Bħal kull persuna oħra anzjana u reliġjuża, Benedittu qed jgħix ħajja ta’ talb, riflessjoni, qari, kitba u anke jiltaqa’ mal-iktar nies qrib tiegħu u dawk li jsaqsuh għal parir spiritwali.