Anzjan il-ħabs wara li abbuża minn martu waqt li jaraw il-pornografija

Anzjan ta’ 71 sena ntbagħat sena ħabs wara li nstab ħati li abbuża sesswalment minn martu ta’ 68 sena meta talabha tagħmel atti li ra fil-pornografija.
Fil-Qorti nstema’ kif il-mara ħarġet tiġri fit-triq għarwiena biex taħrab mir-raġel, wara li dan prova wkoll juża oġġetti waqt l-att li xtaq jagħmel ma’ martu.
Huwa ġie akkużat li b’attakk vjolenti fuq il-pudur, u li hedded li jkun vjolenti kemm lil martu kif ukoll lil membri oħra tal-familja.
Huwa ammetta mill-ewwel għall-akkużi miġjuba kontrih, iżda l-Maġistrat Joe Mifsud instema’ jgħid li l-fatt li hu anzjan ma jnaqqas xejn mill-gravità ta’ dak li wettaq.
L-anzjan iddefenda lilu nnifsu billi qal li lil martu dejjem ta dak li riedet, speċjalment flus. Il-Maġistrat wieġbu li r-rispett mhuwiex il-flus biss, u staqsieh kemm fehem dak li xtaq jgħidlu.
Ġie nnutat ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li r-raġel prova xi ħaġa simili fuq martu, li magħha ilu miżżewweġ 42 sena u għandhom żewġt itfal.
Mas-sena ħabs, ir-raġel intbagħat għal trattament, u nħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq martu għal tliet snin.
Ritratt: Arkivji