Sena ħabs wara li nstab ħati li ħaqar debba f’Għawdex

Read in English.

Raġel intbagħat sena ħabs u weħel multa talli ħaqar debba f’Għawdex.

Il-Qorti sabet lil Robert Omo, ta’ 22 sena min-Niġerja, ħati li ġiegħel annimal isofri uġiegħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn. Hu nstab ħati wkoll li f’diversi jiem għamel vjolazzjoni oħra kontra l-proprjetà ta’ terzi persuni.

Il-każ partikolari seħħ fit-30 ta’ Settembru bejn is-7.15pm u t-8pm f’razzett fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija. Fil-Qorti ntqal kif l-imputat daħal fil-propjetà ta’ familja u pprova jkollu x’jaqsam ma’ debba. Ir-raġel inqabad jaħqar lid-debba minn filmati tas-CCTV, u li ġew eżebiti fil-Qorti. Hu deher isawwat lid-debba b’oġġett iebes, jagħtiha bis-sieq u tefgħalha tyre.

Fid-deliberazzjonijiet tal-Qorti, kien spjegat kif fil-filmat ir-raġel deher imiss lid-debba u jniżżel il-qalziet li kien liebes filwaqt li mexa qrib tad-debba. Ftit tal-ħin wara hu deher itella l-qalziet u ħareġ minn ħdejn l-istalel ipejjep sigarett. Ftit wara jidher jerġa’ jidħol fl-istalla u jibda jsawwat lid-debba. L-imputat fil-Qorti qal li hu ma kienx abbuża lid-debba b’dan l-att.

Minkejja dan, hu ma nstabx ħati tat-tieni akkuża fil-konfront tiegħu, jiġifieri li offenda l-pudur jew il-morali b’għemil li sar f’post pubbliku jew f’post espost.

Il-Maġistrat Joe Mifsud tkellem ukoll dwar il-moħqrija tal-annimali u sostna li l-annimali wkoll għandhom id-drittijiet tagħhom u bażikament huma maqsuma f’ħames taqsimiet:

  • Li jiġu meħlusa mill-ġuħ u mill-għatx billi jkun hemm aċċess għall-ilma tax-xorb potabli u dieta biex tassigura s-saħħa tal-annimal.
  • Li ma jkunux soġġetti għal diżagi u skonfort billi jiġi provdut ambjent siewi nkluż lqugħ mill-elementi u post fejn jistgħu jistrieħu.
  • Li ma jkunux suġġetti għall-uġieħ, feriti u mard bi prevenzjoni u trattament veterinarju fejn meħtieġ.
  • Li jkunu jistgħu jgħixu l-ħajja normali tagħhom billi jiġi provdut spazju, faċilitajiet adekwati u jkunu esposti għal annimali oħra tal-ispeċi tagħhom.
  • Li jkunu ħielsa mill-biża’ u piena billi jkunu assigurati kundizzjonijiet u trattament illi jevitaw tbatija.

Mifsud irrimarka li l-konsegwenza ta’ dawn id-drittiiet mhix li l-bniedem jista’ juża u jiddisponi mill-annimal kif irid. Iżda juru li l-bniedem għandu r-responsabbiltà li dawn id-drittijiet jiġu mħarsa. Intqal li l-filmat esebit u analizzat mill-Qorti juri b’mod ċar moħqrija.

Minbarra li ntbagħat sena ħabs, iż-żagħżugħ intalab iħallas multa ta’ €3,000. Din trid titħallas fi żmien tliet xhur inkella tinbidel fi priġunerija. Il-Qorti kkundannat ukoll lill-imputat iħallas €384.26 bħala spejjeż peritali u dan ukoll fi żmien tliet xhur.

Intant, il-Maġistrat qal ukoll lill-Bord tal-Appelli tar-Refuġjati biex sakemm l-imputat iservi din is-sentenza ta’ priġunerija, il-każ tiegħu biex jagħmel l-applikazzjoni għall-ażil fl-Italja u mhux f’Malta tkun deċiża. It-talba quddiem il-Bord tal-Appelli tar-Refuġjati saret fit-28 ta’ Jannar 2020. Dan biex x’ħin jiskonta s-sentenza jkun deportat lejn l-Italja minn fejn kien qabel ġie f’Malta.