Sena ħabs u multa talli agredixxa persuna b’sikkina

Raġel ta’ 43 sena ġie kkundannat sena ħabs kif ukoll ordnat iħallas multa ta’ ftit aktar minn €116 talli uża sikkina biex iweġġa’ gravi lil raġel ieħor f’wiċċu. Said Bouslama ġie akkużat b’serq, ħsara gravi fuq persuna oħra, li żamm lil xi ħadd kontra r-rieda tiegħu, kien riċediv, u li fuqu kellu arma irregolari u mhux liċenzjata. L-inċident seħħ fil-viċinanzi taċ-ċinema f’Bugibba u l-każ imur lura għal Diċembru tal-2009.

Il-vittma ddikjara li kien ħareġ mill-appartament tiegħu biex jixtri bott tat-tadam minn ħanut fil-viċini. Ommu ċemplitlu  ftit tal-ħin wara u qabad konverżazzjoni magħha fuq il-mowbajl. Kien f’dan il-ħin li nnota li kien hemm karozza blue ssus warajh. Il-vittma qal li kien hemm tliet irġiel fil-karozza, iżda kien biss wieħed minnhom li ħareġ għal fuqu u mbuttah ma ħajt filwaqt li saqsieh għaliex ħarġilhom is-subgħa tan-nofs.

Il-vittma qal lill-agressur li dan ma kienx minnu, u b’hekk l-agressur beda jivgaw minn għonqu filwaqt li ħareġ sikkina. L-agressur insulenta lill-vittma u pprova jdaħħlu fil-karozza iżda l-vittma ma ħallieħx. Wara ġlieda qasira, l-agressur telaq minn fuq il-post bl-istess karozza.

Wara l-ġlieda, l-vittma għaġġel kemm seta’ lejn l-eqreb għassa tal-Pulizija fil-Qawra. Il-Pulizija xehdet li l-vittma kien qed isofri minn xi ġrieħi taħt imnieħru u f’widnejh fil-ħin li wasal l-għassa. Il-vittma kellu bżonn jagħmel il-punti kemm taħt imnieħru kif ukoll f’widnejh. Huwa ma setgħax jidentifika lir-raġel iżda qal lill-Pulizija li jiftakar ċar il-karozza li l-agressur kien uża.

Il-Pulizija aktar tard uriet il-vittma ritratt tal-akkużat u qal li huwa ċert li l-persuna li kienet fir-ritratt kienet propju l-persuna li agredixxietu. Wara li semgħet ix-xhieda kollha u l-kumpilazzjoni tal-provi, il-qorti kkundannat lill-agressur sena ħabs u mmultatu € 116.47.