Sena ħabs talli ma temmx sentenza ta’ 200 siegħa xogħol fil-komunità

Raġel f’Għawdex intbagħat sena ħabs talli ma wettaqx is-sentenza li kienet ingħatatlu biex jagħmel xogħol fil-komunità.

L-Għawdxi ta’ 34 sena mir-Rabat kien ġie ordnat jagħmel 200 siegħa ta’ xogħol fil-komunità f’Jannar tal-2016, fuq akkuża ta’ miżapproprijazzjoni erba’ quadbikes li kienu fdati lilu. Kien intalab ukoll iħallas lura lis-sidien tal-quadbikes għad-dannu, total ta’ €11,000. Huwa sid ta’ showroom tal-karozzi.

Għalkemm ir-raġel oriġinarjament ikkopera u kien qed jagħmel xogħol siewi fis-Santwarju Ta’ Pinu, l-entużjażmu tiegħu beda jbatti sakemm f’Marzu tal-2018, l-uffiċjal tas-servizz komunitarju tiegħu rrapporta li huwa kien qed jonqos mill-motivazzjoni. B’hekk ġie assenjat fir-Razzett Esperimentali tal-Gvern fix-Xewkija minflok.

Madankollu, f’Jannar tal-2019, meta kien fadallu 55 siegħa biss x’jagħmel, huwa għamel diversi ġimgħat ma jattendix, u l-uffiċjal taż-żmien tal-prova tiegħu informa lill-Qorti b’dan.

L-Għawdxi qal li ma rnexxilux jattendi peress li hu għandu showroom tal-karozzi, u b’hekk kellu jivvjaġġa ħafna bejn Malta u Għawdex biex ilaħħaq mad-domanda.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-attitudni tar-raġel turi nuqqas ta’ rispett lejn l-awtorità, u hi inaċċettabbli. Sostna li jekk kulħadd jaġixxi bħall-akkużat, ngħixu f’ġungla u ma jkunx hemm ordni soċjali.

Għaldaqstant, ir-raġel ġie kkundannat għal sena ħabs.