Sena ħabs għar-raġel li nqabad b’żewġ skieken waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena

Ir-raġel, li lejlet l-ewwel tas-sena nqabad iġorr żewġ skieken fi Pjazza Indipendenza f’Għawdex, ġie kkundannat sena ħabs kif ukoll multa ta’ €116.47.
Ir-raġel barrani, li għandu 48 sena, ġie arrestat fit-Tokk waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena. Huwa kien biswit it-tinda fejn kienu għaddejin iċ-ċelebrazzjonijiet.
Huwa tressaq il-Qorti akkużat li seraq, ġarr fuqu arma mingħajr liċenzja, għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ u li rrenda ruħu reċidiv.
Ir-raġel wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
L-akkużat deher quddiem il-Maġistrat P. Coppinu u l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.