Sena ħabs għal Maximilian Ciantar għax gideb li l-pulizija aggredewh

Maximilian Ciantar ingħata s-sentenza ta’ sena ħabs wara li nstab li hu kien allega li kien il-vittma ta’ xi brutalità mingħand il-pulizija meta dan ma kienx minnu.

Ciantar, li huwa mill-Marsa, diġà tressaq il-qorti kemm-il darba, ħafna drabi minħabba akkużi ta’ sewqan, u hu magħruf għax fl-2010 kien tajjar żewġ bniet f’Ħ’Attard.

Aqra: Il-Qorti tikkonferma s-sentenza lil Maximilian Ciantar

Il-Maġistrat Joe Mifsud ta lil Ciantar l-itwal sentenza li tista’ tagħti l-Qorti f’dan il-każ, dik ta’ sena ħabs. Il-Qorti kkritikat lill-Prosekuzzjoni talli użat id-data ħażina f’waħda mill-akkużi, u dan fisser li l-akkuża li kien bagħbas evidenza kontra persuna oħra kellha titwaqqa’. Waqgħet akkuża oħra fil-konfront ta’ Ciantar, li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza preċedenti, għax il-kopja tas-sentenza esebita mill-Prosekuzzjoni ma kinitx akkumpanjata minn provi tal-identità tal-akkużat.

Aqra: Kumpens ta’ €6,000 għal missier Maximilian Ciantar

Il-Maġistrat sema’ kif Ciantar kien ġie arrestat fit-28 ta’ Mejju tal-2018 f’Ħal Qormi talli saq mingħajr liċenzja, wara li din kienet ittiħditlu fuq ordni tal-Qorti. Hu mbagħad ipprova jweġġa’ lilu nnifsu meta kien arrestat biex jagħti l-impressjoni li kienu l-pulizija li sawtuh. Hu u jiddaħħal fil-karozza tal-pulizija, kien beda jgħajjat li kien qed jiġi msawwat. Ipprova wkoll jilwi jdejh li kienu bil-manetti biex jiksirhom.

Madankollu, hu rrifjuta li jingħata kura medika meta l-pulizija nnutaw xi grif f’ġismu waqt li kienu qed ifittxulu. Ġie maqbul li l-ġrieħi jitniżżlu fi ktieb li jkun hemm ir-rekords tiegħu fih minflok.

Aqra: Maximilian Ciantar lura l-Qorti akkużat b’attentat ta’ serqa

Il-Qorti kienet sodisfatta li l-pulizija m’użawx wisq forza huma u jarrestawh, avolja Ciantar ma kkoperax. Minkejja dan, il-Qorti qalet li ma tistax issib lil Ciantar ħati li bagħbas l-evidenza minħabba żball li ħadet il-Prosekuzzjoni fid-data, għax kitbet Settembru minflok Mejju tal-2017 fil-karta fejn kien hemm imniżżel.

Għaldaqstant, il-Maġistrat Joe Mifsud sab lil Ciantar ħati li għamel rapport falz meta qal li ġie msawwat mill-pulizija meta kienu qed jarrestawh. Ciantar tant kien konxju li li kien qed jgħid kien gidba, li rrifjuta li jikseb kura medika, qalet il-Qorti. Il-Qorti nnutat li kien Ciantar li kien irreżista l-arrest b’mod vjolenti, u nnutat ukoll li ċ-ċertifikati mediċi juru li ma kienx qala’ daqqiet ta’ sieq, imma kellu biss xi grif.

Aqra: Maximilian Ciantar lura l-ħabs

Minħabba f’hekk, il-Maġistrat Joe Mifsud tah l-iżjed sentenza massima li seta’ jagħtih talli għamel rapport falz, u l-Maġistrat fakkar li dan ir-rapport seta’ wassal biex nies innoċenti jitressqu l-qorti fuq proċeduri kriminali u jirrovinaw il-karriera tagħhom.